Meta kienet qed tindirizza konferenza tal-Aħbarijiet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci sostniet illi matul din il-ġimgħa reġgħu żdiedu l-family clusters li rriżultaw f'51 każ ġdid ta' Covid-19, filwaqt li kien hemm 22 persuna li kellhom il-virus mill-post tax-xogħol, 21 persuna li huma cluster ta' ħaddiema fuq il-Marsa Junction, filwaqt li telgħu għal 33 dawk fil-cluster fid-djar tal-anzjani - kemm pazjenti u anke ħaddiema tal-istess djar.
Gauci spjegat kif matul din il-ġimgħa kien hemm 31 każ ta' immigranti pożittivi għall-Covid-19 u 16-il każ minn laqgħat soċjali.
Apparti minn hekk twaqqfu sitt każi pożittivi ġejjin minn barra l-pajjiż, li kollha kienu minn Spanja. Gauci fakkret li Marsilja u Pariġi - it-tnejn fi Franza - issa tpoġġew ukoll fuq il-lista oranġjo ta' Malta u allura kull min jasal minn dan il-postijiet jrid ikollu test lest.
Tgħid ukoll illi hemm 14-il każ pożittiv ta' persuni residenti Għawdex.
Intant fl-aħħar 24 siegħa kien hemm b'kollox 43 każ ġdid u 30 persuna li fieqet mill-Covid-19 f'pajjiżna biex minn meta faqqa' l-ewwel każ nhar is- 7 ta' Marzu sal-lum Malta kellha b'kollox 2,247 każ pożittiv. Minn dawn 1,833 fiequ, 15 tilfu ħajjithom filwaqt li 399 każ għadu attiv.
Finalment Gauci spjegat kif bħalissa hemm tmien pazjenti fl-Infectious Diseases Unit, erba' każi f'Wards oħrajn f'Mater Dei, persuna l-ITU f'kundizzjoni stabbli, tmien każi fl-Isptar Boffa u 15-il każ fl-Isptar St. Thomas.