Jiżdiedu l-każi fid-djar tal-anzjani hekk kif it-tieni mewġa tal-Covid-19 tippersisti

F'jumejn l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li kien hemm 17-il każ fi djar tal-anzjani

Ikomplu jiżdiedu l-każi ta' Covid-19 fi djar tal-anzjani hekk kif f'jumejn l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru 17-il każ mifruxa fi djar differenti.

B'kollox, fl-aħħar 24 siegħa, hekk kif saru 1,957 test, instabu 42 każ ġdid ta' Covid-19, filwaqt li 43 pazjent fiequ.

Dan ifisser li issa, l-għadd tal-każi attivi huwa ta' 387.

Mill-għadd tal-każi mħabbra lbieraħ, 10 kienu minn djar tal-anzjani differenti. Fil-ġurnata ta' qabel, kien hemm seba' każi oħra simili. L-awtoritajiet tas-saħħa ma tawx id-dettalji u l-ismijiet tad-djar.

Apparti minn hekk, minn fost il-każi mħabbra lbieraħ, kien hemm cluster kbir ta' 18-il persuna minn kumpanija tal-kostruzzjoni.

Ħames każi oħra kienu qraba ta' pazjenti li rriżultaw pożittiv fl-aħħar jiem, tlieta kienu kollegi, każ wieħed kellu kuntatt dirett ma' pazjent u żewġ każi oħra kienu importati.

More in Politika