Schembri u Muscat implikati minn Yorgen. Disprament ta' Fenech jew it-tmiem tal-eġemonija Laburista?

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn dak li qed jingħad fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Fenech u l-implikazzjonijiet li dan jista' jkollu fuq il-Partit Laburista

L-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat dan l-aħħar reġa' kien fuq l-aħbarijiet b'rabta mal-assasinju ta' Daphne Caruana Galizia  - li qiegħed dejjem aktar joqrob lejn dak li kien iċ-ċentru tal-poter fil-Gvern Laburista tal-istess Muscat:  Keith Schembri. 

Schembri kien negozjant kbir Malti - intraprenditur ta' suċċess b'ħafna kuntatti ma' negozji kbar madwar il-pajjiż li iżda ftit li xejn qatt deher fil-politika.  Tant hu hekk, wiċċ u idejn Schembri ftit li xejn qatt kienu deheru pubblikament fil-Partit Laburista qabel l-2013, b'ħafna ma jafux min hu u wisq inqas jafu x'poter kellu fuq it-tmexxija Laburista. 

Daħal Kastilja u jinfetħu l-kumpaniji fil-Panama:  L-għerq tal-għawġ kollu fi Gvern Laburista

Sal-lum huwa Keith Schembri biss li ammetta li kien hemm xi forma ta' rabta bejnu u 17 Black. Il-kumpanija tiegħu fil-Panama kellhom jidħlu fiha (u f'dik ta' Konrad  Mizzi - it-tnejn kienu joperaw f'Kastilja) maż-żewġ miljun dollaru fl-ewwel sena biss minn attivitajiet ta' riċiklar, turiżmu u aktar minn pajjiżi bħal Bangladesh, l-Indja u l-Afrika.  La Schembri u lanqas Mizzi ma kellhom operazzjonijiet ta' din in-natura f'dawn il-pajjiżi. 

Dawn infetħu ftit wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Għall-ewwel l-eks Ministru Konrad Mizzi kien qal li se jitfa' tfaddil tal-familja f'din il-kumpanija, bil-mistoqsija naturali tkun għaliex mhux Malta ladarba f'dan il-pajjiż hawn sistema finanzjarja serja?

Schembri wieġeb il-mistoqsija meta kien qed jixhed, meta qal illi ladarba hu kellu kariga politika ma xtaqx li jikxef is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ladarba issa kienet se tkun taħt ħafna iktar skrutinju. 

Il-fulkru ta' kollox jibqa' iżda illi 17 Black, li skont email ta' Nexia BT stess - u allura tal-kumpanija li fetħet il-kontijiet u l-kumpaniji fil-Panama Tillgate (Keith Schembri) u Hearnville (Konrad Mizzi) kienu target clients ta' 17 Black - hija kumpanija miftuħa fid-Dubaj u  minnha kellhom jgħaddu flus għal għand il-kumpaniji ta' Mizzi u Schembri. 

B'kollox  - skont rapporti mid-Daphne Project - kienu għaddew f'17 Black $1.6 miljun, li minnhom $1.4 miljun kienu ġejjin mill-Ażerbajġan - pagament suspettuż mitfugħ fuq isem persuna li taħdem bħala security:  Rufat Baratzada.  L-Ażerbajġan huwa l-pajjiż minn fejn il-Gvern Malti daħal f'kuntratt biex jixtri l-gass għal 18-il sena, huwa l-pajjiż tas-Socar Trading, li għandha 33.3% sehem fil-Power Station il-ġdida li kellu sehem fiha wkoll Yorgen Fenech permezz ta' Tumas Group u huwa l-pajjiż tal-familja tad-Ditattur Ilham Aliyev illi fetħet kontijiet fil-Bank Pilatus. 

Imbagħad l-istess informazzjoni kienet turi kif $200,000 allegatament daħlu f'17 Black mill-Aġent Malti tat-Tanker tal-LNG sorġut f'Delimara.  

Tinsewx li dan kollu ħareġ wara li ntqalet Daphne Caruana Galizia - jiġifieri f'ħajjitha Caruana Galizia ma kixfet prattikament xejn wisq dwar 17 Black  - ħlief li kienet stabbilita d-Dubaj. 

Mid-Dubaj ġiet il-konferma li 17 Black kien fiha madwar $1.6 miljuni u li ħadd mill-awtoritajiet Maltin ma kien talab għal-iffirżar ta' dawn il-flus. 

Finalment hemm l-akkużi dwar il-Montengero b'allegazzjoni li minn dan il-proġett daħlu - allegatament, €4.6 miljuni fi qligħ, li spiċċa f'17 Black,  mill-bejgħ minn Cidifex - li ġabet it-€3 miljuni biex tixtri  Wind Farm fil-Montenegro minn 17 Black ukoll.

Cidifex imbagħad biegħet dan il-Windfarm lill-Enemalta għal €10 miljuni u allegatament għaddiet l-€4.6 miljuni lil 17 Black. 

X'sirna nafu dan l-aħħar ...

Kif diġa' għidna Caruana Galizia ma kixfet xejn minn dan - ħlief l-eżistenza tal-kumpaniji fil-Panama li jinkludu wkoll Egrant Inc. li Brian Tonna minn Nexia BT - li kienu saħansitra joperaw minn Kastilja wkoll għal xi żmien - qal li kienet shelf company u li kienet se tinbiegħ lil xi ħadd. Caruana Galizia kienet allegat li Egrant kienet f'isem Michelle Muscat u li għaddew flus minn kumpanija  - mill-ġdid - mill-Ażerbajġan. 

Dan qatt ma kien ippruvat u inkjesta ma sabet ebda rabta bejn Egrant u Muscat. L-inkjesta ma kellhiex l-irwol li tistabbilixxi iżda ta' min kienet din il-kumpanija li nfetħet fl-istess żmien li fih infetħu Tillgate u Hearnville. 

Caruana Galizia nqatlet nhar is-17 ta' Ottubru 2017 b'bomba fil-karozza tagħha u sussegwentement ġew arrestati l-aħwa De Giorgio u Vince Muscat, il-Koħħu. 

Iżda waqt il-kumpilazzjoni ħarġu ħafna affarijiet li ma konniex nafu.  

 - Karti li jimxu mingħand Keith Schembri għal għand Yorgen Fenech, permezz tat-Tabib Adrian Vella - li ma kienx jaf x'fihom pero li Schembri indika li għandhom jittieħdu għand Fenech. 

 - L-interrogazzjoni ta' Yorgen Fenech illi fiha dan jgħid li Keith Schembri kien il-mandant ta' dan il-qtil u li kien ħallas sa €80,000 biex tinqatel Caruana Galizia.  Fl-interrogazzjoni - jixhed l-Ispettur Kurt Zahra - Fenech kien qal li Schembri kien iċempillu ħafna drabi biex jara fhiex waslu l-pjanijiet u darba kien inkoraġġieh jgħaġġel:  'Mexxi, mexxi, mexxi ...' jgħid Fenech lill-pulizija li qallu darba Schembri

 - Il-fatt li Keith Schembri, Yorgen Fenech u t-Tabib Vella siefru l-istati Uniti flimkien

 -   Il-fatt li ftit ġimgħat qabel kien arrestat Fenech kien xtara kimika li kapaċi toqtol persuna b'mod veloċi minn siti li jintużaw minn kriminali

 - Jissemma' wkoll Kenneth Camilleri  - eks membru tas-sigurtà ta' Muscat dwar laqgħat li kellu ma' Melvin Theuma - is-sensar fil-qtil ta' Caruana Galizia. 

 - Qabel dan kollu jissemma' wkoll Chris Cardona.  Eks Ministru Laburista li dwaru ddawwret ittra anonima, li titfa' l-ħtija tal-qtil fuqu.  Kien irrapportat li nstab mobile f'qiegħ il-baħar viċin il-post fejn ġew arrestati l-aħwa Degiorgio bin-numru ta' Cardona fuqu u Fenech kien qal lil Theuma li Cardona kien iddaħħal b'overdose fi sptar tant kien inkwetat bil-qtil ta' Daphne.  L-eks Ministru ċaħad. 

 - Fenech kien ipprova jaħrab Tunis, Pariġi jew il- Messiku

U Joseph Muscat?

U finalment hemm l-eks PM Joseph Muscat.  

Ftit żmien ilu fil-Parlament, d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien akkuża lil Joseph Muscat li kien hemm chats bejn l-eks PM, Keith Schembri u Yorgen Fenech.  Dan kien ikkonfermat din il-ġimgħa stess mill-Ispettur Kurt Zahra.  Imma aktar minn hekk, huwa kien allega li Muscat kien jaf li Caruana Galizia se tikxef aktar informazzjoni ta' allegata korruzzjoni - fosthom fil-proġett tal-Montenegro jew inkella kien jaf li se tinqatel il-ġurnalista u għalhekk, skont Azzopardi, sejjaħ elezzjoni fl-2017.

Muscat ċaħad u qal li dan kien l-akbar abbuż ta' privileġġ Parlamentari li qatt assista għalih.  Hu talab għalhekk li jsir ksur ta' privileġġ. 

Iktar riċenti fix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra, jirriżulta illi minn dak li Yorgen Fenech qal lill-pulizija Joseph Muscat kien  - allegatament - wieħed minn tlieta minn nies li wara li sar ir-reat kienu jafu illi Keith Schembri kien  - skont Fenech - il-mandant ta' dan il-qtil ta' Caruana Galizia. 

Muscat ċaħad dan b'mod assolut. 

Muscat kien ukoll imsejjaħ fid-Depot il-ġimgħa l-oħra biex isirulu mistoqsijiet dwar il-każ.

L-effett politiku fuq il-Partit Laburista

U dan kollu fejn iħalli lill-Partit Laburista u l-Gvern li jmexxi? 

Wieħed ma jistax iwieġeb din il-mistoqsija jekk jaqta' barra liċ-ċentru ta' poter li kien (u għad hawn min jgħid li għadu) influwenti ħafna fil-Partit Laburista u kruċjali fit-tmexxija tal-Gvern bejn l-2013 u l-2019 - Keith Schembri u warajh Joseph Muscat.  Dawn huma  - biex nużaw l-istess narrattiva li tintuża għall-PN - l-establishment il-ġdid tal-Partit Laburista. 

Jekk b'xi mod wieħed minn dawn it-tnejn mhux biss ikun implikat, imma akkużat li kien parti mill-assassinju jew ugwalment ħażin li kien jaf u fixkel milli ssir l-ġustizzja l-eġemonija Laburista mibnija b'tant reqqa minn  dawn iż-żewġ ħbieb (ma ninsewx li Schembri u Muscat kienu meqjusin ħbieb kbar)  - tiġġarraf. 

L-effett ikun devastanti elettoralment. 

Minkejja li ħafna votanti ma jivvutawx skont il-kwistjoni tal-korruzzjoni, hawnhekk għandna każ ta' qtil - li huwa differenti, uniku f'ħafna aspetti u li l-aħħar li seħħ xi ħaġa bħalu kien fl-1986 bil-qtil ta' Raymond Caruana (31 sena qabel l-assasinju ta' Daphne).  Jekk Keith Schembri jew Joseph Muscat jiċċappsu b'mod reali, mhux biss b'suspett jew implikazzjoni, ma' dan l-assasinju jkun ifisser telf kbir kważi assolut ta' kredibilità u jkun ifisser ukoll li dawk illi kienu jimplikaw li Kastilja hija "mmexxija mill-kriminali" jingħataw raġun minn  settur ta' votanti, kemm dawk li pprotestaw u vvutaw mal-PN fl-2017, imma anke sezzjoni ta' dawk li vvutaw lill-PL. 

 Tkun prattikament il-Waterloo tal-Partit Laburista li kien u għadu u se jibqa' marbut ħafna (sa elezzjoni ġenerali oħra żgur) fuq ix-xorti politika ta' Muscat u Schembri.

Naturalment għall-posterità din tkun traġedja kbira mhux biss għall-PL imma anke għad-demokrazija:  Wara kważi 25 sena ta' Gvern Nazzjonalista, Gvern Laburista b'ħafna preġji, speċjalment elettorali - kieku jiċċappsu Muscat jew Schembri b'mod dirett - jispiċċa taħt id-dell ta' dan l-assassinju kemm issa u anke fl-istorja. 

Jekk minn naħa l-oħra jirriżulta li l-qtil ta' Daphne kien xogħol Yorgen Fenech prattikament waħdu u li dan kif aċċenna huwa stess prova jniżżel lil kulħadd miegħu, anke jekk it-tebgħa se tibqa', tkun nifs il-ġewwa u ta' mistrieħ għal Muscat u Schembri f'termini individwali, għall-Partit Laburista u anke għall-pajjiż.  F'dan ix-xenarju settur ta' votanti li jista' jkun mhuwiex żgħir forsi jerġa jibda jħossu aktar kunfidenti u sigur li jivvota u jappoġġja lill-Partit Laburista.

U Robert Abela?

Dan kollu ġie fuq il-Prim Ministru kurrenti Robert Abela.  Dak li se jagħmel Abela jekk Schembri jew Muscat b'xi mod jispiċċaw mċappsa ma' dan l-assassinju huwa kruċjali ħafna biex tal-inqas mhux kollox ikun mitluf. 

Abela jista' ma jgħid u jagħmel xejn u b'hekk bħal donnu jaħsel idejh minn dak kollu li wara kollox mhuwiex xogħolu u dak li għamel hu u lanqas huma dellijiet fuqu. 

Imma naturalment f'dan ix-xenarju ipotetiku l-mistoqsijiet se jsiru u jekk Abela jaħrabhom jista' jidher li huwa dgħajjef quddiem is-saħħa tal-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat u li ma jridx ixellifha minn miegħu.

Skont risposti li ta din il-ġimgħa stess għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Abela jidher li f'dan ix-xenarju fil-fatt jieħu d-deċiżjonijiet.  Dan ikun pass 'il quddiem, daqs kemm ikun pass riskjuż ukoll elettoralment. 

Jekk jittieħdu passi serji kontra Schembri - li wara kollox qed jissemma' ħafna iktar minn Muscat u hu kien akkużat minn  Fenech illi kien il-mandant - għaliex jinsabu biżżejjed provi li jorbtuh mal-każ, Robert Abela jkun jista' jgħid li verament il-ġustizzja saret fi żmienu u li verament il-Korp tal-Pulizija tħalla jopera indipendentement u mingħajr indħil mill-politiċi. 

Jekk iseħħ dan ix-xenarju, verament jibda jingħalaq wieħed mill-aktar kapitli koroh fl-istorja politika moderna u jkun preġju politiku għal Abela. 

Minn naħa l-oħra iżda l-iddistakkar u s-serjetà ta' ċerta istituzzjonijiet fil-ħidma tagħhom, ftit se jneħħi mill-fatt illi qed jiġu implikati l-aktar persuni li kienu ċentrali fil-Gvern, l-istess nies li (fil-każ ta' Schembri u Muscat) mexxew kampanja elettorali u rebħu mandat fl-2017.  Jekk  - traġikament għal Abela u l-PL - Keith Schembri jew Joseph Muscat b'xi mod jirriżulta li kienu parti jew kienu jafu x'inhu jiġri fir-rigward tal-qtil, id-daqqa fuq il-kredibilità tal-PL tkun kbira ħafna. 

Wieħed lanqas jista' jissottovaluta l-popolarità, rispett u appoġġ kbir li għad għandu Joseph Muscat - fil-PL u lilhinn - u li jista' xorta jibqa' jkollu anke jekk forsi jirriżultaw fatti kontrih fil-futur, kemm f'dan il-każ u anke f'oħrajn. Kull azzjoni ipotetika ta' Abela kontra Muscat probabbilment tkun tfisser għawġ u reżistenza fil-Partit Laburista.

Għal Abela l-aħjar xenarji jibqgħu allura li Muscat u Schembri jirriżultaw bħala partijiet kompletament innoċenti u mhux relatati  mal-każ, jew inkella li wieħed minn dawn ikun u kif qal din il-ġimgħa - jieħu azzjoni.  B'hekk jipproġetta lilu nnifsu bħala Prim Ministru li jiddeċiedi, anke fuq affarijiet diffiċli. 

More in Politika