'Mixja 'l quddiem u 'l fuq għall-PN u l-pajjiż' - Bernard Grech iniedi l-logo tal-kampanja

Grech saħaq li jekk mhux se jkun hemm mixja kollettiva, la l-pajjiż u lanqas il-partit mhu se jasal imkien

Il-kandidat prospettiv għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, nieda l-logo tal-kampanja tiegħu.

Fuq Facebook, Grech spjega li fil-logo xtaq li jintużaw tliet kuluri, l-abjad, l-aħmar u l-ikħal, li fi kliemu, jissimbolizzaw il-kuluri nazzjonali u tal-partit.

Dawn il-kuluri jinsabu fuq tliet sinjali li jibnu immaġini ta' moviment 'il quddiem u 'l fuq, spjega Grech.

Huwa saħaq li dan huwa rifless tal-fatt li f'din il-kampanja se jkun qed jitkellem dwar "aħna."

"Jien nemmen li ma naslu mkien jekk ma nimxux flimkien. U biex naslu, il-mixja tagħna trid tkun waħda li tisma’ lin-nies, li tifhem l-aspirazzjonijiet tagħhom, li tiddjaloga ma’ kulħadd, li tagħti kas, li tagħti merħba lil min irid jingħaqad f’din il-mixja, li toffri soluzzjonijiet reali għall-bżonnijiet tan-nies, u li tiddeċiedi flimkien," insista l-avukat.

Kompla jisħaq li anke d-deċiżjonijiet li jittieħdu, dawn għandhom jittieħdu f'isem kulħadd u mhux f'isem xi ħadd. 

"Il-logo li se nkun qed nuża f’din il-kampanja, joħorġu s-sens ta’ din il-mixja ’l quddiem u ’l fuq għall-#PartitNazzjonalista u għall-pajjiż," kompla jispjega Grech.

More in Politika