L-elezzjoni għal Kap Nazzjonalista ġdid mistennija wara l-Indipendenza

Il-proċess tad-due diligence mistenni jieħu ftit żmien sakemm jintemm ...

"Se jkun kważi loġistikament impossibbli - anke jekk il-proċess tad-due diligence ma jiħux iż-żmien kollu ta' sitt ġimgħat - li l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista ssir qabel il-21 ta' Settembru."  Hekk irrappurtat The Times dalgħodu f'artiklu li jindika illi l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista ser issir wara l-Indipendenza, jum iċċelebrat u sinonimu mal-PN. 

Din il-ġimgħa kemm Bernard Grech kif wkoll Adrian Delia ssottomettew dokumenti relatati ma' ħlas ta' taxxi lil dawk illi qed imexxu d-due diligence. 

Il-votazzjoni se ddum ġimgħa, bejn l-Erbgħa u l-Ġimgħa ssir l-votazzjoni kmieni u l-ġimgħa ta' wara bejn l-Erbgħa u s-Sibt issir l-votazzjoni għall-bqija tal-madwar 20,000 tesserat.  Dan se jseħħ sabiex ma jkunx hemm folol minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Il-proċess tal-għażla kif se jkun?

Bħalissa għaddej il-proċess ta’ verifika fuq Delia u anke Grech, bil-Kummissjoni Kandidati tista’ tieħu sa sitt ġimgħat biex ittemm il-ħidma tagħha.

Malli l-Kummissjoni Kandidati ttemm dan il-proċess, din tibgħat rapport ta’ verifika lill-Kunsill Amministrattiv u lill-Kummissjoni Elettorali u magħhom dikjarazzjoni dwar jekk il-membri li ddikjaraw l-interess għall-elezzjoni, f’dan il-każ Adrian Delia u Bernard Grech, ikunux issodisfaw il-kriterji tal-verifika.

Il-Kummissjoni Elettorali, fi żmien tlett ijiem mir-rapport tal-verifika msemmi toħroġ avviż li jsejjaħ għal nominazzjonijiet ta’ kandidati minn fost dawk li jkunu ġew pożittivament verifikati. 

Iż-żmien għan-nominazzjonijiet għandu jagħlaq fi żmien ħamest ijiem.

F’dan il-każ, żgur li mhux se jkun hemm aktar minn żewġ kandidati f’din l-elezzjoni.

Għalhekk, jekk Delia u Grech, it-tnejn li huma jgħaddu mill-proċess tal-verifika u għalhekk ikunu uffiċjalment kandidati, fi żmien ħmistax il-ġurnata mill-għeluq tan-nominazzjonijiet, tissejjaħ il-Konvenzjoni Ġenerali biex it-tesserati jagħżlu l-Kap tal-Partit.

F’każ li jkun hemm biss nominazzjoni waħda, din titressaq għall-votazzjoni sigrieta mill-Kunsill Ġenerali u biex il-kandidat jiġi ddikjarat elett jeħtieġ jikseb għallanqas ħamsin fil-mija u wieħed tal-voti mixħuta mill-kunsillieri.

 

More in Politika