'Ugwaljanza stretta' biex kemm Delia u Grech ikollhom spazju fuq il-midja tal-PN

Peter Fenech, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali qal li dan se jkun qiegħed isir “mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kap tal-Partit li jitkellem skont id-doveri tal-kariga tiegħu”

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista qalet fi stqarrija li għalkemm skont l-istatut tal-partit ma tistax tibda l-kampanja qabel isiru s-sottomissjonijiet tan-nomini tal-kandidati, aċċettat biex minn issa jkun hemm “ugwaljanza stretta u trasparenti” biex kemm Adrian Delia u anke Bernard Grech ikollhom spazju fuq il-midja tal-partit.

Peter Fenech, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali qal li dan se jkun qiegħed isir “mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kap tal-Partit li jitkellem skont id-doveri tal-kariga tiegħu.”

Fenech fakkar li Delia ma sab l-ebda oġġġezzjoni biex Bernard Grech jingħata l-ispazju.

“Il-Kummissjoni tifhem l-interess kbir mill-pubbliku in ġenerali u aktar u aktar mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista dwar iż-żewġ persuni li esprimew l-interess tagħhom għall-kariga ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista, u għalhekk trid tassigura li kollox jimxi b'mod ekwu u ġust,” temm jgħid Fenech.

Bħalissa għaddej il-proċess ta’ verifika fuq Delia u anke Grech, bil-Kummissjoni Kandidati tista’ tieħu sa sitt ġimgħat biex ittemm il-ħidma tagħha.

Malli l-Kummissjoni Kandidati ttemm dan il-proċess, din tibgħat rapport ta’ verifika lill-Kunsill Amministrattiv u lill-Kummissjoni Elettorali u magħhom dikjarazzjoni dwar jekk il-membri li ddikjaraw l-interess għall-elezzjoni, f’dan il-każ Adrian Delia u Bernard Grech, ikunux issodisfaw il-kriterji tal-verifika.

Il-Kummissjoni Elettorali, fi żmien tlett ijiem mir-rapport tal-verifika msemmi toħroġ avviż li jsejjaħ għal nominazzjonijiet ta’ kandidati minn fost dawk li jkunu ġew pożittivament verifikati. 

Iż-żmien għan-nominazzjonijiet għandu jagħlaq fi żmien ħamest ijiem.

F’dan il-każ, żgur li mhux se jkun hemm aktar minn żewġ kandidati f’din l-elezzjoni.

Għalhekk, jekk Delia u Grech, it-tnejn li huma jgħaddu mill-proċess tal-verifika u għalhekk ikunu uffiċjalment kandidati, fi żmien ħmistax il-ġurnata mill-għeluq tan-nominazzjonijiet, tissejjaħ il-Konvenzjoni Ġenerali biex it-tesserati jagħżlu l-Kap tal-Partit.

F’każ li jkun hemm biss nominazzjoni waħda, din titressaq għall-votazzjoni sigrieta mill-Kunsill Ġenerali u biex il-kandidat jiġi ddikjarat elett jeħtieġ jikseb għallanqas ħamsin fil-mija u wieħed tal-voti mixħuta mill-kunsillieri.

More in Politika