Jixhed il-kaptan li kien qed isuq il-jott ta' Yorgen Fenech meta twaqqaf mill-Forzi Armati

Il-Maġistrat Rachel Montebello tordna wkoll investigazzjoni mill-Pulizija dwar ir-recordings ta’ Melvin Theuma u li ġew ippubblikati fuq il-midja soċjali

Il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat investigazzjoni mill-Pulizija dwar ir-recordings ta’ Melvin Theuma u li ġew ippubblikati fuq il-midja soċjali, minn xi ħadd mhux magħruf, il-ġimgħa li għaddiet.

Montebello saħqet li l-investigazzjoni għandha tiddetermina min seta’ ħareġ dawn ir-recordings.

Hija ordnat dan hekk kif dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Maġistrat ordnat ukoll li tinfetaħ investigazzjoni kriminali kontra l-lettur tal-Università Simon Mercieca hekk kif dan ippubblika l-istess recordings fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.

Jixhed il-kaptan tal-jott

Intant, l-uniku xhur tal-lum kien il-kaptan Logan Wood, responsabbli mill-jott ta’ Yorgen Fenech.

Huwa żvela kif fil-lejl tad-19 ta’ Novembru kien infurmat mill-uffiċjal tas-sigurtà ta’ Portomaso li l-Pulizija kienu qed iduru mal-yacht. Qal li ra wkoll tliet camerpersons fiż-żona.

Wood informa lil Fenech dwar din is-sitwazzjoni u Fenech qallu: “tinkwetax, għax qed jipprovaw jagħmlu xena sħiħa daqslikieku se naħarbu.”

'Tinkwetax. Ma għandna xejn x’naħbu'

Mistoqsi mill-Avukat tad-Difiża Marion Camilleri, Wood qal li Fenech kien qallu: “tinkwetax. Ma għandna xejn x’naħbu.”

Il-jott kien twaqqaf mill-Forzi Armati ta’ Malta hekk kif kien ħiereġ mill-marina ta’ Portomaso nhar l-20 ta’ Novembru, mas-sebħ.

Wood, fix-xhieda tiegħu, issuġġerixxa li Fenech kien jaf dwar l-arrest imminenti tiegħu.

Il-kaptan insista li kien se jieħu l-jott Sqallija biex isir fuqu xi xogħol ta’ manutenzjoni. Insista li dan kien jagħmlu ta’ spiss u dejjem kien jitlob lil xi ħadd mid-diretturi ta’ Tumas biex imur miegħu. Jekk ħadd ma jkun jista', kien jgħid lil xi ħabib.

Huwa ċaħad suġġerimenti li kienu se jippruvaw jaħarbu u insista li l-pjan tiegħu kien li jirritorna Malta bil-Katamaran.

Insista li ma kellux idea x’kienu l-pjanijiet ta’ Fenech.

More in Politika