Edward Scicluna jgħid li kien għamel pressjoni fuq Joseph Muscat biex ikeċċi lil Konrad Mizzi

Jinsisti li ma kienx ivvota favur vot ta' sfiduċja f'Konrad Mizzi għax ma kienx hemm free-vote u ma xtaqx jirriżenja mill-Grupp Parlamentari

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal lill-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li Konrad Mizzi kellu jirriżenja minnufih meta ismu ħareġ fil-Panama Papers.

Meta kien qed jixhed u mistoqsi dwar dawn il-każi, il-Ministru qal li hu kien għamel pressjoni fuq il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, biex ikeċċi lil Schembri u jitbiegħed minn Keith Schembri, iżda insista li dan kien għalxejn.

Saħaq li kien iddispjaċih ħafna meta ħarġet din l-informazzjoni u dwarha baqa’ ma sar xejn dwarha min-naħa tal-Gvern.

Scicluna kien mistoqsi dwar il-fatt li dak iż-żmien kien ivvota kontra vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi, liema vot kien issejjaħ mill-Oppożizzjoni.

'Ma kienx hemm free-vote'

Huwa saħaq li kellu jivvota mal-bqija tal-Grupp Parlamentari għax ma kienx hemm free-vote. 

“Kont komdu Bruasell iżda ddeċidejt li nitlaq paga ta’ aktar minn €100,000 ... meta ġejna għall-vot ma kienx ġust għax ma kellnix free-vote. Allura, bħala Deputat tal-Gvern, kellek jew tivvota bħall-bqija tal-grupp jew inkella tirriżenja. Jiddispjaċini, imma din kienet l-ewwel deċiżjoni politika tiegħi,” wieġeb Scicluna.

'Ma kontx parti mill-'kitchen cabinet' ta' Joseph Muscat'

Qal li fl-2014, Joseph Muscat kien offrilu l-kariga ta’ Kummissarju Ewropew iżda hu kien irrifjuta.

Insista wkoll li hu ma kienx parti minn dak li sejjaħlu bħala ‘kitchen cabinet’ ta’ Joseph Muscat u li kien jinkludi wkoll lil Keith Schembri, fost oħrajn.

Il-Ministru kkritika wkoll l-aġenzija Projects Malta, li twaqqfet fi żmien Konrad Mizzi u li kienet reponsabbli għall-proġetti li jkunu se jsiru bejn il-Gvern u l-Privat. Fi kliemu, ma kienx hemm biżżejjed trasparenza f’din l-aġenzija.

More in Politika