Jason Azzopardi jixhed fil-Qorti kif spiċċa mhedded minn partitarju ta' Adrian Delia

Il-każ allegatement seħħ nhar l-24 ta’ Lulju ftit wara li spiċċat laqgħa, tard bil-lejl, fid-Dar Ċentrali tal-PN

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi xehed fil-Qorti kif, fi kliemu, partitarju viċin Adrian Delia, John Borg, insulentah u attakkah quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

John Borg (iben Ċensu l-Iswed), qed ikun akkużat li insulenta lil Azzopardi u anke li heddu.

L-Ispettur Matthew Galea qal lill-Qorti li Borg ċaħad li pprova jweġġa’ lid-Deputat u li ried biss isemma’ leħnu kontra dak li Azzopardi kien qed jagħmel.

Jason Azzopardi deher quddiem il-Qorti llum u xehed dwar dak li ġara fl-24 ta’ Lulju meta ħareġ mid-Dar Ċentrali tal-PN, wara nofsilejl, malli ntemmet laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN li sfiduċjat lil Delia. 

“Wara l-laqgħa jiena ħriġt mill-entratura prinċipali u kien hemm John Debono, Mario Degiorgio u Anthony Micallef u kont qed ngħidilhom li ma kontx naf fejn ħallejt il-karozza. Sakemm qed nitkellmu, raġel, li dak il-ħin ma għaraftux, għadda mhux aktar minn 8 piedi ‘l bogħod. Qalli: ‘aħdar int. Ma hawnx bniedem iżjed aħdar minnek.’ Imbagħad dahar lura u qalli: ‘issa tarah wiċċ Alla,” saħaq Azzopardi.

Kompla jixhed kif kien staqsa lir-raġel x’ried jgħid b’dan il-kliem u kien hawn li Borg dar għalih u kien se jħebb għalih.

“Li kieku ma kienx għall-pulizija, kien jolqotni. Il-Pulizija ressquh ‘l hemm u aktar tard kont qed tara l-filmat ta’ One News u smajtu jgħid: ‘nerġgħu niltaqgħu jiena u inti Jason,” kompla d-Deputat.

Fi kliem Azzopardi, l-espressjoni ‘tarah wiċċ Alla’ hija theddida. 

Id-Deputat kompla jisħaq li hu ma għamilx ir-rapport għalih innifsu iżda biex jevita li jkun hemm inċidenti simili fuq kollegi tiegħu, anke wara li qara kummenti fuq Facebook tal-istess Borg.

Xehed li hu qal lill-Ispettur biex ma jakkużax lir-raġel taħt l-Artiklu 95 tal-Kodiċi Kriminali, liema artiklu huwa dwar il-vilifikazzjoni u t-theddid kontra uffiċjali pubbliċi u dan biex il-piena ma tkunx ħarxa.

Mistoqsi mill-Avukat Mario Mifsud, Azzopardi ċaħad li hu neħħa n-nuċċali u resaq lejn l-akkużat. "Mingħajr nuċċali ma narax," qal Azzopardi.

Insista li hu qatt qabel ma kien ra lill-akkużat quddiem id-Dar Ċentrali.

Il-każ ikompli fl-10 ta’ Settembru.

More in Politika