34 persuna jeħlu multa għax inqabdu bla maskra; Aktar restrizzjonijiet jekk il-każi jibqgħu jiżdiedu

Ħames stabbilimenti ta' divertiment weħlu €3,000 wara li kissru r-restrizzjonijiet il-ġodda dwar l-attivitajiet tal-massa

Minn kemm ilu li daħal fis-seħħ avviż legali ġdid li żied l-infurzar fuq min jikser ir-regolamenti imposti biex tkun imrażżna l-imxija tal-Covid-19, saru 250 spezzjoni f'diversi ħwienet u 34 persuna weħlu multa ta' €50 wara li nstabu bla maskra.

Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, meta kienet qed tkun intervistata fuq TVM.

Gauci qalet ukoll li ħames stabbilimenti ta' divertiment ingħataw multa ta' €3,000 wara li nstabu jiksru r-regolamenti l-ġodda dwar l-attivitajiet tal-massa.

Fi stabbililmenti simili saru 200 spezzjoni.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Gvern daħħal restrizzjonijiet ġodda biex kwalunkwe attività tal-massa ma taqbiżx it-300 persuna jekk issir fuq barra u 100 persuna jew fuq ġewwa.

Ma jsiffirx li kull stabbiliment jista' jdaħħal il-massimu. F'kull stabbiliment, sew jekk fuq ġewwa u anke fuq barra, ma jistax ikun hemm aktar minn persuna waħda kull erba' metri kwadri.

Waqt l-istess intervista, Gauci ma eskluditx l-introduzzjoni ta' aktar miżuri restrittivi jekk il-każi jibqgħu jiżdiedu fil-ħmistax li ġejjin.

More in Politika