'In-numri ta' każi ġodda ta' Covid-19 huma riżultat ta' deċiżjonijiet politiċi irresponsabbli' - MAPHM

Il-MAPHM qed tappella biex minnufih jingħalqu l-clubs, il-bars, id-discos u postijiet oħra ta’ divertiment sakemm is-sitwazzjoni terġa’ tiġi taħt kontroll

Il-Malta Association for Public Health Medicine (MAPHM) saħqet li l-aħħar ċifri tal-Covid-19 jitkellmu waħedhom u Malta issa qed tiffaċċja t-tieni mewġa.

“Dan ma kienx inevitabbli. Kien imbassar. Dawn in-numri huma riżultat ta’ mġieba politika irresponsabbli, nuqqas ta’ rispett lejn l-evidenza xjentifika u messaġġi kunflinġenti li mbuttaw ‘il quddiem persuni prominenti,” saħqet l-Assoċjazzjoni.

L-istqarrija saħqet li tliet ġimgħat wara li tneħħew il-miżuri kollha u wara li tħallew isiru l-attivitajiet tal-massa, daqslikieku l-ġlieda kontra l-virus intrebħet, Malta reġgħet spiċċat fejn bdiet. “Kważi kważi ninsabu agħar milli konnha f’April,” saħqet l-Assoċjazzjoni.

Filwaqt li faħħret il-ħidma tal-ħaddiema tas-saħħa u anke ta’ eluf ta’ voluntiera, il-MAPHM spjegat kif minkejja dan, il-contact tracing sar diffiċli jekk mhux impossibbli għax kull pazjent ġdid x’aktarx li qed ikollu għexieren ta’ persuni li kellu kuntatt magħhom. 

Fakkret li Malta diġà mhijiex meqjusa aktar bħala pajjiż sigur mill-pajjiżi Baltiċi u mill-Irlanda. Ilbieraħ ukoll iċ-Ċentru tal-Istati Uniti għall-Kontroll tal-Mard wissa kontra s-safar lejn Malta.

“Dawn mhux aħbarijiet sbieħ għal pajjiżna. Is-sitwazzjoni mhijiex sostenibbli,” saħqet l-Assoċjazzjoni.

Għalhekk, l-Assoċjazzjoni qed tagħmel dawn ir-rakkomandazzjonijiet:

  • Jiġu introdotti mill-ġdid ċertu miżuri restrittivi
  • Il-maskri jintlibsu f’kull post pubbliku
  • Ħasil regolari tal-idejn
  • Id-distanza soċjali tinżamm kull fejn possibbli
  • Gruppi ta’ persuni jkunu limitati għall-inqas ammont possibbli.
  • Persuni vulnerabbli għandhom jevitaw postijiet fejn jinġemgħu n-nies
  • Persuni vulnerabbli jillimitaw il-kuntatt tagħhom għal mal-persuni li jgħixu magħhom, qraba u ħbieb
  • It-teleworking għandu jerġa’ jiddaħħal fejn possibbli
  • L-attivitajiet kollha kbar jitħassru
  • Jingħalqu l-clubs, il-bars, id-discos u postijiet oħra ta’ divertiment sakemm is-sitwazzjoni terġa’ tiġi taħt kontroll.
  • L-iskejjel tal-Ingliż għandhom jingħalqu

Aqra wkoll:

More in Politika