L-MUMN twaqqaf id-direttivi industrijali u tisħaq li t-tieni mewġa ta’ Covid-19 bdiet

L-MUMN ħarġet sodisfatta mil-laqgħa li saret ilbieraħ f'Kastilja u insistiet li l-Gvern jidher kommess li jdaħħal infurzar b'saħħtu

Il-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), għall-kuntrarju tat-tobba, jidher li ħarġu sodisfatti mil-laqgħa tal-MCESD f’Kastilja u għalhekk issospendiet l-azzjoni industrijali li kellha tibda llum.

Fi stqarrija, l-MUMN saħqet li ntlaħaq qbil mal-Prim Ministru u mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.

“L-MUMN hija konxja li se jkun hemm żieda drastika fil-każi tal-Covid-19, liema żieda mistennija tibda mil-lum. Huwa mistenni li n-numru għoli ta' każi ġodda jkompli għal numru ta’ ġimgħat. It-tieni mewġa ta’ Covid-19 bdiet,” saħqet l-istqarrija.

L-MUMN qed tisħaq li ntlaħaq qbil biex l-attivitajiet tal-massa jitwaqqfu kompletament.

“Ċertu attivitajiet biss se jkunu qed isiru u dawn se jkunu limitati għal numru ta’ persuni. Il-Prim Ministru kkommetta ruħu li l-Gvern jintroduċi infurzar qawwi,” saħqet l-MUMN.

Aktar kmieni l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lit-tobba saħqet li lanqas ma' dan ma taqbel u se tkompli bid-direttivi għax, fi kliemha, l-attivitajiet għandhom jitwaqqfu kompletament u mhux jitpoġġa limitu fuq il-persuni li jistgħu jinġabru għalihom. Jidher li lbieraħ saru żewġ proposti. Waħda biex l-attivitajiet tal-massa jkunu limitati għal 300 persuni u oħra biex l-attivitajiet ikunu limitati għal 60 persuna jekk fuq ġewwa u 100 persuna jekk fuq barra.

L-istqarrija tal-MUMN temmet tgħid li se tkun qed issegwi l-passi u jekk ma tkunx kunteta bl-infurzar, lesta biex terġa’ tordna l-azzjonijiet.

Aqra wkoll:

More in Politika