Approvati €21.9 miljun għall-proġett li se jnaqqas it-tniġġis tal-arja fil-Port il-Kbir

Il-Ministru Ian Borg iddeskriva l-proġett bħala t-tieni l-ikbar kotribut għal titjib fil-kwalità tal-arja f’pajjiżna wara t-tneħħija tal-power stations tal-Marsa u Marsaxlokk

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li ġew approvati €21.9 miljun f’fondi Ewropej għall-Grand Harbour Clean Air Project li se jiġi implimentat minn Infrastructure Malta b’investiment totali ta’ €49.9 miljun. 

Il-proġett mistenni jnaqqas it-tniġġis fl-arja kkawżat mill-cruise liners u l-bastimenti Ro-Ro fil-Port il-Kbir b’90%. Fil-fatt, il-Port il-Kbir se jkun wieħed mill-ewwel portijiet Ewropej li se jħaddem din it-teknoloġija.

 “Dan il-proġett se jkun it-tieni l-ikbar kotribut għal titjib fil-kwalità tal-arja f’pajjiżna wara t-tneħħija tal-power stations tal-Marsa u Marsaxlokk fl-2017,” saħaq il-Ministru Ian Borg. “Studji preliminari wrew li Malta se tkun iffrankat madwar €375 miljun fi spejjeż relatati mal-konsegwenzi ta’ dan it-tip ta’ tniġġis fl-arja fi żmien 20 sena.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett huwa wieħed li jikkumplimenta l-miri tal-Unjoni Ewropea fejn, filwaqt li t-tkabbir ekonomiku huwa inċentivat, fl-istess ħin jonqos it-tniġġiż tal-ambjent.

Hu qal li dan l-investiment fil-Port il-Kbir ta’ €22 miljun mill-fond ewropew ‘Connecting Europe Facility' se jkun ta’ benefiċċju kbir mhux biss għall-ambjent iżda anke għar-residenti.

Kompla jgħid li dan il-proġett irid iservi bħala mudell biex anke l-awtoritajiet tal-Freeport jirsistu għal proġett simili biex minnu jibbenefikaw ir-residenti ta’ Birżebbuġa u tal-madwar.

Dan il-proġett se jwassal biex, permezz ta’ interventi infrastrutturali, il-cruise liners u l-bastimenti Ro-Ro jkunu jistgħu jitfu l-magni u jużaw sors ta’ enerġija nadifa mill-port stess. 

Dawn il-faċilitajiet se jkunu disponibbli l-ewwel f’Pinto Wharf, Deep Water Quay u Boiler Wharf u wara ser jiġu estiżi għal Laboratory Wharf u Fuel Wharf (Ras Ħanżir). L-ewwel tliet mollijiet mistennija jkollhom din il-faċilità sal-aħħar tal-2023.

More in Politika