Il-Marċ tal-Ħamrun ikkanċellat ukoll - flimkien ma' ta' San Duminku, San Girgor u tas-Salvatur

L-Għaqda King's' Own tal-Belt Valletta tikkanċella l-marċ brijuż tal-festa wara l-aħħar rapporti ta' Covid-19 - kif jagħmlu l-każini tal-Ħamrun, dak ta' San Girgor f'Tas Sliema u l-Każin San Pio X ta' Ħal Lija

Il-marċ tal-Ħamrun tal-Banda San Gejtanu
Il-marċ tal-Ħamrun tal-Banda San Gejtanu

L-Għaqda Kings' Own tal-Belt Valletta  - li hija l-Għaqda li tieħu sehem fil-Festa ta' San Duminku li din is-sena kienet se tiġi ċċelebrata fit-8 ta' Awwissu - ħabbret li se tkun qed tħassar il-marċ brijuż tas-Sibt 1 ta' Awwissu.  Ħabbru wkoll li se jikkanċellaw il-marċ l-Għaqda Mużikali San Girgor, li jieħdu sehem f'din il-festa ċċelebrata f'Tas Sliema.

Ma' dawn jingħaqdu ż-żewġ każini tal-banda tal-Ħamrun li ddikjaraw illi għal din is-sena l-marċ taż-żewġ każini se jiġi kkanċellat. 

Il-ġimgħa l-oħra l-Għaqda Mużikali Santa Marija ta' Ħad Dingli wkoll ħabbru li mhux se jkunu qed jorganizzaw il-marċ tradizzjonali u brijjuż.   Għaqda mużikali oħra li ddeċidiet li twaqqaf il-marċ hija s-Soċjetà Mużikali San Pio X ta' Ħal Lija. 

Nhar il-Ħadd li ġej se jiġu ċċelebrati l-festi ta' San Ġużepp fil-Qala, Għawdex, Il-Madonna ta' Lourdes f'San Ġwann u San Pietru fil-Ktajjen f'Birżebbuġa.

Fi żmien li ġej mistennijin isiru festi kbar li jkollhom marċi brijużi li għalihom - normalment - jattendu ħafna nies fosthom il-festa ta' Santa Liena f'Birkirkara, San Lawrenz tal-Birgu u diversi festi ta' Santa Marija. 

Dawn il-marċi qed jitwaqqfu hekk kif in-numri ta' każi ta' Covid-19 reġgħu bdew telgħin fl-aħħar ġimgħa u nofs b'każ ta' cluster ta' nies li marru għall-marċ ta' Santa Venera.  Illum stess irriżultaw ħames każi ġodda minn fost dan il-grupp

Intant in-nies li marru party bejn is-17 u d-19 ta' Lulju u li rriżultaw fil-pożittiv komplew jiżdiedu kif qed jiżdiedu wkoll il-każi sporadiċi. 

More in Politika