Sitt każi oħra ta' Covid-19 mill-istess party li sar bejn l-17 u 19 ta' Lulju f'San Ġiljan

Sitt każi oħra ta' Covid-19 jingħaqdu ma' każ ieħor - ilkoll ta' nies li marru l-istess party fi tmiem il-ġimgħa li għadda

L-avveniment ta' bejn is-17 u d-19 ta' Lulju
L-avveniment ta' bejn is-17 u d-19 ta' Lulju

Fl-aħħar 24 siegħa irriżultaw sitt każi ġodda ta' Covid-19 f'pajjiżna, każi li kollha kemm huma jirriżultaw mill-istess party li sar bejn l-17 u d-19 ta' Lulju fil-Lukanda Radisson Blu f'San Ġiljan.  Dan ħabbruh l-awtoritajiet tas-saħħa fil-bullettin ta' kuljum li jinħareġ fuq il-paġna ta' Facebook 'Saħħa'.

Dan huwa l-akbar numru ta' każi ġodda f'ġimgħat u kollox beda meta lbieraħ irriżulta l-ewwel każ ta' persuna pożittiva li kienet preżenti mill-istess party.  Sal-bieraħ dawk li kienu miegħu u li ttestjaw għall-Covid-19 irriżultaw fin-negattiv.

Minkejja dan in-numri xorta għadhom baxxi sa issa bi 12-il każ attiv, sebgħa minnhom mill-istess cluster. 

Fl-aħħar 24 siegħa saru b'kollox 931 swab  biex b'kollox sa issa saru 117,840 swab.  Minn dawn irriżultaw 686 każ li minnhom 665 persuna fiequ.

More in Politika