Filmat | Comodini Cachia u d-Deputati li sfiduċjaw lil Delia jitilqu 'l barra mil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari

Adrian Delia sejjaħ laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista wara dak li seħħ ilbieraħ fir-rigward ta' Melvin Theuma

Therese Comodini Cachia u d-Deputati li sfiduċjaw lil Adrian Delia telqu 'l barra mil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista minuti biss wara li din bdiet. Ftit qabel, hi u dieħla, Comodini Cachia saħqet li wara dak li seħħ ilbieraħ fir-rigward ta' Melvin Theuma, huwa ċar kemm il-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni serja u kredibbli

Minkejja li Delia sejjaħ din il-laqgħa wara l-aħħar żviluppi tal-bieraħ, id-Deputati ribelli mill-ewwel indikaw li mhux lesti jiddiskutu wisq.

"L-uniku ħaġa li jiena u l-kollegi se niddiskutu f'din il-laqgħa hija kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jirrispetta ż-żewġ voti ta' sfiduċja li ffaċċja. Dik hija l-unika kwistjoni li aħna lesti niddiskutu," saħqet Comodini Cachia mal-ġurnalisti hija u dieħla.

Kompliet tgħid li huwa ċar li l-PN għandu bżonn li jkun Oppożizzjoni kredibbli, stabbli u b'saħħitha jekk irid jiġġieled din "ix-xibka ta' korruzzjoni kbira."

Malli ħarġet, Comodini Cachia saħqet li d-Deputati malli daħlu staqsew lil Delia x'inhuma l-passi li se jieħu wara l-voti ta' sfiduċja u hu, min-naħa tiegħu, għamilha ċara li mhux lest jiddiskuti mal-Grupp Parlamentari dwar it-triq 'il quddiem.

"Baqa' jinsisti li se jiddiskuti biss għada fl-Eżekuttiv. Allura, ovvjament, la mhux tirrispetta lanqas il-Grupp Parlamentari, mhux lesti niddiskutu affarijiet oħra," insistiet id-Deputata.

More in Politika