1,900 persuna jinstabu jaħdmu bla permess fl-ewwel ħames xhur tas-sena ... 21,000 f'seba' snin

Bejn l-2013 u l-2020 instabu 11,698 persuna barranija taħdem bla permess u 9,723 Malti jaħdmu bla permess

Fl-ewwel ħames xhur tas-sena biss inqabdu 1,900 persuna jaħdmu bla permess, li minnhom il-maġġoranza l-kbira, jew 1,609 kienu barranin.  Intant bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena instabu 301 persuna Maltija taħdem bla permess. 

B'kollox, mill-2013 sa Mejju ta' din is-sena nstabu 11,698 persuna barranija taħdem f'pajjiżna bla permess, filwaqt li fl-istess perjodu ta' żmien instabu 9,723 Malti u Maltija jaħdmu bla ktieb tax-xogħol. 

B'kollox għalhekk f'seba' snin inqabdu jaħdmu bla permess 21,421 persuna. 

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Owen Bonnici għad-domanda Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo. 

Il-Ministru Bonnici żvela kif waqt l-ispezzjonijiet instab ksur li jinkludi, impjegati li ma kinux reġistrati, impjegati li kienu qegħdin fl-impjieg mingħajr liċenzja, impjegati li kienu minorenni u anke impjegati li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol.

Il-Ministru qal ukoll illi f'3,321 każ minnhom il-ksur ta' liġi spiċċa quddiem il-Qorti b'azzjoni meħuda minn Jobsplus. Intant mill-informazzjoni jirriżulta wkoll illi inħarġu 2,487 multa f'każi li ġew riżolti b'dan il-mod. 

More in Politika