'L-unika triq għal Delia huwa li jirriżenja u malajr kemm jista' jkun' - eks Deputat Nazzjonalista

Philip Mifsud, eks Deputat Nazzjonalista jistaqsi kif Adrian Delia mhux jinduna li l-unika triq li għad fadallu hija li jirriżenja u staqsa jekk hemmx xi ħaġa li l-pubbliku ma jafx biha ...

Philip Mifsud, eks Deputat tal-PN
Philip Mifsud, eks Deputat tal-PN

Ġuurnata oħra u aktar pressjoni fuq Adrian Delia biex jirriżenja minn nies li huma jew kienu fil-Partit Nazzjonalista.  Wara l-ittra iebsa ta' Louis Galea - imqabbad minn Delia stess biex jirriforma l-partit - u li fiha jħeġġeġ lill-Kap Nazzjonalista biex ma jabbużax mil-lealtà tat-tesserati u l-istqarrija tal-President tal-Kummissjoni għall-Għażla tal-Kandidati Richard Muscat li qal illi r-riżenja ta' Delia hija l-unika salvazzjoni tal-PN, issa kien imiss lill-eks Deputat Nazzjonalista Philip Mifsud li jħeġġu jirriżenja. 

Mifsud isostni li Delia mhux biss messu jitlaq imma messu ilu li telaq.  "U ma tistgħux takkużawni li jiena parti minn xi fazzjoni konvenjentement imsejħa ta' Simon.  M'inix," jgħid Mifsud li jfakkar illi hu kien ħeġġeġ lil Simon Busuttil jitlaq wara t-telfa storika tal-2017. Huwa jkompli jgħid iżda illi jekk "kien hemm mitt raġuni biex Simon Busuttil jitlaq issa hemm 1,000 raġuni għalfejn Adrian Delia għandu jitlaq.  Jekk Simon Busuttil spiċċa bħala piż għall-PN, Delia wera' li huwa piż ħafna akbar."

L-eks Deputat Żebbuġi f'artiklu fuq The Times elenka l-każi li semmiet Daphne Caruana Galizia u semma wkoll is-sitwazzjoni finanzjarja ta' Delia u akkużi li kien qed jevadi t-taxxa.  "Hu ma rnexxilux jgħaqqad lill-partit u anke jekk kellu ħafna bsaten fir-roti, huwa l-Kap.  Biex tgħaxxaq kien lest imur jiekol mal-aktar negozjant korott fuq il-gżira meta l-PN kien qed jiġġieled każi li fihom kien imdaħħal hu ... kif jista' jkun kredibbli?" 

Mifsud sostna li Delia ma mesu qatt daħal fil-politika ladarba ma kienx preparat għaliha.  Huwa jwaħħal f'dawk li imbuttawh 'il quddiem għar-raġunijiet personali tagħhom u jgħid illi huwa grazzi għalihom li l-partit jinsab imkisser u li "Delia huwa mkisser moralment, finanzjarjament u professjonalment."

Huwa jistaqsi kif jista' jkun li xi ħadd intelliġenti bħal Delia mhux qed jinduna bl-affarijiet u jistaqsi:  "Jew hemm xi ħaġa li għadna ma nafux dwarha u li qed iżżommu mkaħħal mas-siġġu?" 

Philip Mifsud itemm jappella lil Adrian Delia biex ma jimpikax u biex jirriżenja.  "L-unika triq 'l quddiem għalih huwa li jirriżenja malajr kemm jista' jkun.  Imma mhux jieqaf hemm.  Ikun ororabbli u jappoġġja lill-Kap li ġej warajh." 

More in Politika