'Ieqaf abbuża mil-lealtà u t-tjubija tat-tesserati ... il-PN jixraqlu Kap ġdid' - Louis Galea lil Delia

Louis Galea, mqabbad biex jieħu ħsieb ir-riformi fil-Partit Nazzjonalista jgħid li mhux talli n-'new way' ma seħħitx talli l-partit qed isofri minn emoraġija u nuqqas ta' fiduċja

Louis Galea
Louis Galea

Louis Galea, il-bniedem mqabbad minn Adrian Delia biex jirriforma l-partit, dar fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonaslista u l-Kap kurrenti tal-Oppożizzjoni u qallu biex jirriżenja u jiftaħ it-triq għal elezzjoni ġdida ta' tmexxija, proposta li lbieraħ għamel ukoll l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-PN Lawrence Gonzi. 

"Adrian Delia huwa fid-dmir jieqaf jabbuża mil-lealtà u t-tjubija tat-tesserati u huwa obbligat jidderiġihom skont id-direzzjoni li qed jagħti l-Kumitat Eżekuttiv għall-ġid tal-partit. It-tesserati għandhom jiġu rrispettati u mhux inkwetati li jħabbtu wiċċhom ma’ kwistjonijiet ta’ kuljum li jinqalgħu fil-partit meta huma ma għandhom l-ebda responsabbiltà oħra ħlief dik li jivvutaw darba kull tant snin għal kap," saħaq Galea f'ittra iebsa lil Delia.

"Ma naf bl-ebda pajjiż demokratiku fejn mexxej politiku jitlef il-fiduċja tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tiegħu u tal-membri tal-Eżekuttiv nazzjonali tal-partit tiegħu u dan il-mexxej ma jagħżilx it-triq ovvja u onorabbli u jwitti t-triq għal bidla fit-tmexxija. Lanqas ma naf bl-ebda partit serju f’pajjiż demokratiku li tul tliet snin ta’ tmexxija jitlef l-appoġġ u l-fiduċja tal-poplu b’mod hekk qawwi u konsistenti kif qed jiġri lill-PN u dak il-partit jibqa’ ċass u ma jiħux il-passi meħtieġa biex jirrimedja t-tmexxija tal-partit. Dan fl-istess waqt meta tant Maltin u Għawdxin huma lesti jersqu lejn il-PN minħabba li l-Partit Laburista ħadem xibka ta' korruzzjoni u abbużi," sostna Galea. 

Huwa qal illi l-analiżi ta' Delia illi l-vot tal-bieraħ ma jorbotx huwa "ħażin u żbaljat" u fakkar illi l-vot huwa espressjoni libera tal-organi x'jaħsbu li għandu jseħħ fil-partit. 

Galea saħaq illi minkejja li Delia għandu l-merti tiegħu l-fatti li ħarġu u huma ddokumentati fil-midja sa issa, jgħelbu ħafna mill-preġju ta' tiegħu u  -skont hu - qed ifixklu mhux jgħinu lill-PN.

"Il-Grupp Parlamentari u l-Kumitat Eżekuttiv raw u fehmu b’mod ċar din ir-realtà u ħadu l-passi li dehrilhom meħtieġa. Għandu jkun ċar għal Adrian Delia li jekk tassew irid ilġid tal-partit u tal-pajjiż għandu jiżblokka t-triq għal għażla ta’ Kap ġdid tal-partit."

Galea temm jisħaq illi filwaqt li t-tesserati jivvotaw għall-Kap, "il-Kap hu soġġett għall-kontabbilità lejn l-organi tal-partit – il-Kumitati Sezzjonali, il-Grupp Parlamentari, il-Kunsill Amministrattiv, il-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali. Id-dmirijiet tat-tesserati fl-elezzjoni tal-Kap mhumiex superjuri għad-dmirijiet u l-funzjonijiet ta’ dawn l-organi."

More in Politika