Membru tal-Eżekuttiv jitlob li jitlaqqa' l-PN biex jieħu azzjoni kontra d-19-il Deputat Nazzjonalist

Fost dawk li vvutaw kontra Delia hemm l-uniċi żewġ MEPs tal-PN u huwa mifhum ukoll li magħhom ingħaqdu deputati li kienu meqjusin leali lejh

Andrè Grech mal-Kap tal-PN Adrian Delia
Andrè Grech mal-Kap tal-PN Adrian Delia

Kunsillier u membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Andrè Grech ħabbar li għadu kemm kiteb lis-Segretarju Ġenerali tal- Partit Nazzjonalista, lill-President tal-Kunsill Amministrattiv u lill-President tal- Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex b'mod immedjat jlaqqgħu l-organi tal-Partit Nazzjonalista biex tittieħed azzjoni kontra id-Deputati Parlamentari li Grech ifakkar li "marru kontra l-istatut tal-Partit Nazzjonalista minħabba li marru għand il-President ta Malta biex jappuntaw Kap ta l-Oppożizzjoni ġdid."

Grech ikkwota l-istatut li jiċċara illi l-Kap tal-Oppożizzjoni jeħtieġ ikun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, punt illi issa se jkun kompromess bil-ħatra - mistennija fis-sigħat li ġejjin - ta' Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.  Hi intagħżlet mid-19-il Deputat tal-Oppożizzjoni li issa qed jappoġġjawha wara li sfiduċjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kurrenti Adrian Delia. 

Għadu mhux ċar x'se jiġri iżda jista' jkun illi jkun propost illi d-19-il Deputat li marru għand il-President saħansitra jitkeċċew mill-partit u jispiċċaw indipendenti fil-Parlament.  Minkejja dan - għaliex xorta se jkunu l-akbar grupp fl-Oppożizzjoni u minħabba li Deli kien sfiduċjat - Comodini Cachia xorta tkun tista' żżomm postha bħala Kap tal-Oppożizzjoni. 

Fost dawk li vvutaw kontra Delia hemm l-uniċi żewġ MEPs tal-PN, David Casa u Roberta Metsola, u huwa mifhum ukoll li magħhom ingħaqdu deputati li kienu meqjusin leali lejh bħal Hermann Schiavone, Stephen Spiteri u Kristy Debono.   Ma' dawn naturalment ingħaqdu Deputati bħal Jason Azopardi, Beppe Fenech Adami, Claudio Grech, Karol Aquilina u David Thake.  Il-mozzjoni biex jittieħed vot tmexxiet minn Chris Said u kienet issekondata minn Therese Comodini Cachia.

More in Politika