Ir-ribelli għal għand il-President ... jipproponu lil Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni

Jidher li l-laqgħa bejn id-Deputati ribelli lesta u telgħin għand il-President b'isem ta' persuna li għandha l-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti warajha 

Therese Comodini Cachia
Therese Comodini Cachia

Chris Said u Claudette Buttigieg marru għand il-President tar-Repubblika bil-proposta tal-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti biex jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li tilef vot ta' fiduċja nhar it-Tlieta, b'19 kontra 11. 

Therese Comodini Cachia hija l-persuna li kienet magħżula mid-Deputati Nazzjonalisti li vvutaw kontra Adrian Delia din il-ġimgħa - u allura jidher illi hija dik il-persuna li għandha maġġoranza ta' Deputati tal-Oppożizzjoni warajha.  Il-Kap tal-Oppożizzjoni mhuwiex neċessarjamenrt il-Kap ta' partit, imma l-persuna li tikkmanda l-appoġġ tal-maġġoranza tad-Deputati li mhumiex tal-Gvern li fil-każ ta' Malta jinkludi lil Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li kienu eletti taħt it-tikketta tal-Partit Nazzjonalista imma li kkontestaw f'isem il-Partit Demokratiku.

Comodini Cachia kienet eletta MEP fl-2014 meta kisbet 7.859 vot fl-ewwel għadd. Hija kienet ġiet eletta fil-Parlament Malti fl-2017, ħalkemm kienet se tirriżenja wara li kienet eletta.  Wara kritika li mhux qed tirrispetta lill-votant jekk tirriżenja Comoini Cachia baqgħet Deputat fil-Parlament Malti.

Comodini Cachia hija l-avukat tal-familja ta' Daphne Caruana Galizia fil-każi li hemm il-Qorti u li jitrattaw l-assainju tal-ġurnalista.

Opinjonijiet differenti dwar l-irwol tal-President

Il-President tar-Repubblika - ġeneralment kariga ċerimonjali  -se jkun qed jieħu pożizzjoni ċentrali fil-kriżi fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni fejn bħalissa u sa issa hemm Kap tal-Oppożizzjoni li m'għandux l-appoġġ maġġoritarju tal-Membri Parlamentari tiegħu stess.  Din is-sitwazzjoni hija bla preċedent, anke jekk kien hemm kwistjonijiet fejn Gvern jitlef maġġoranza - primarjament fl-1998 meta waqa' l-Gvern ta' Alfred Sant u fl-2012 -2013 meta il-Gvern ta' Lawrence Gonzi tilef il-maġġoranza. 

Peress li m'hemmx preċedent għal dak li qed jiġri, il-proċess qed jieħu ftit iktar żmien b'interpretazzjonijiet ta' x'jista' u x'għandu jagħmel il-President George Vella. 

F'kummenti mal-Maltatoday il-Professur Kevin Aquuilina qal illi Vella jeħtieġ u għandu l-obbligu illi jgħajjat lid-Deputati Nazzjonalisti li vvutaw kontra Delia biex jara jekk humiex qegħdin jappoġġjaw persuna oħra li tista' ssir Kap tal-Oppożizzjoni.

"Bħala gwardjan tal-Kostituzzjoni il-President jeħtieġ jieħu l-inizjattiva għaliex din id-darba dan mhuwiex sempliċiment spekulazzjoni imma mozzjoni li nafu min kien il-proponent tagħha (Chris Said) b'riżultat ikkonfermat uffiċjalment mill-Partit Nazzjonalista."

Minn naħa l-oħra iżda ma' The Times l-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello qed jisħaq li l-President m'għandux obbligu jgħajjat lid-Deputati u probabbilment qed jistenna li dawn jagħtuh xi forma ta' notifika formali.  Qal ukoll li l-fatt li l-vot ittieħed fis-sigriet mhuwiex problema.

Bħalissa l-President tar-Repubblika qed jiltaqa' mad-Deputati Nazzjonalisti wieħed, wieħed.

More in Politika