‘Anke jekk ma għandekx sintomi mur għamel test minn żmien għal żmien’

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci tispjega mal-ILLUM kif wara r-riżultati tal-istudji li saru minn esperti fir-Renju Unit, jekk ikun hemm bżonn, f’Malta se tintuża l-mediċina dexamethasone li nstab li tista’ tgħin lil dawk il-pazjenti morda serjament bil-COVID-19

Malta ma għadhiex taħt emerġenza tas-saħħa pubblika. Il-ġimgħa li għaddiet ġew irrilaxxati l-miżuri restrittivi kollha u s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 tinsab taħt kontroll. Iżda dan ma jfissirx li għandna ninsew il-virus u ma nibqgħux viġilanti. Dwar dan il-gazzetta ILLUM titkellem mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.

Apparti dwar il-miżuri, l-ILLUM tistaqsi wkoll lil Gauci jekk Malta hux qed tuża l-mediċina dexamethasone li esperti fir-Renju Unit sabu li tista’ tgħin lil pazjenti fuq il-ventilators u li l-kundizzjoni tagħhom tkun waħda serja u kritika. Il-Professur Gauci spjegat kif minn meta ħarġu dawn ir-riżultati Malta ma kellha l-ebda pazjent li kellu bżonn din il-mediċina. Madanakollu saħqet li jekk ikun hemm pazjenti li jkollhom bżonn din il-mediċina, din se tkun qed tingħata.

Gauci tappella wkoll għall-użu tal-maskri kull fejn persuna tkun se tiltaqa’ ma’ persuni li ma jgħixux magħha u anke biex persuni jibqgħu, minn żmien għal żmien, iċemplu biex jagħmu t-test, anke jekk ma jkollhomx sintomi. 

Issa ġew irrilaxxati prattikament il-miżuri kollha b'rabta mal-COVID-19. Jibqgħu jgħoddu l-appelli tad-distanza soċjali, l-iġjene u anke l-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli?

Grazzi għax-xogħol siewi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, tal-frontliners minn kull qasam, kif ukoll tar-responsabbilità kbira tal-pubbliku li segwa r-rakkomandazzjonijiet tagħna,  ninsabu fi stadju fejn il-miżuri ġew irrilaxati. Madanakollu nappella għall-viġilanza min-naħa tal-pubbliku billi nkomplu nżommu distanza soċjali ta’ żewġ metri min-nies oħra, iġjene tal-idejn, nilbsu l-maskri fejn ikun hemm kuntatt ma’ nies oħra, fi spiżeriji u ħwienet, kliniċi u sptarijiet  u speċjalment inkunu iktar metikulużi b’dawn il-miżuri fil-preżenza ta’ nies vulnerabbli. 

In-numri baxxi, jew saħanistra n-nuqqas ta' każi ġodda fl-aħħar jiem, x'jindikaw? Il-virus għadu magħna?

Allavolja n-numri ta’ każijiet ġodda ta’ COVID-19 li qed naqbdu kuljum huwa verament baxx, u ġieli xejn, il-virus għadu magħna u għad hemm persistenza ta’ trasmissjoni fil-komunità. Billi naddottaw dejjem u kullimkien dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni nistgħu flimkien inżommu dawn in-numri baxxi. Dan jista’ jsir biss bil-kollaborazzjoni tal-pubbliku.  

Hekk kif l-ajruport jinsab miftuħ, anke jekk għalissa b'mod ristrett, ħafna huma mħassba u inkwetati li l-każi se jerġgħu jibdew jiżdiedu. X'se jiġri jekk ikollna għadd ta' każi importati?

Huwa minnu li l-ajruport jinsab miftuħ għal numru ta’ destinazzjonijiet fejn is-sitwazzjoni ta’ każijiet ta’ COVID-19 hija simili għal tagħna. It-tim tagħna huwa lest għal kull eventwalità, jekk il-każijiet jiżdiedu huma minn fejn huma, it-tim lest biex jinvestiga u jagħmel il-contact tracing ta’ kull każ biex inkunu nistgħu npoġġu fi kwarantina dawk in-nies fejn kien hemm kuntatt fil-viċin. Dawn il-miżuri huma indikati biex inwaqqfu l-imxija tal-virus. 

Il-maskra fejn għandha tibqa' tintlibes?

Il-maskra hija important li tintlibes f’dawk is-sitwazzjonijiet kollha fejn wieħed ser jiltaqa’ ma’ persuni oħra li ma jgħixux fl-istess dar. Dan huwa ħafna iktar important fejn hemm nies vulnerabbli.  Nafu li hemm numru ta’ persuni li jista’ jkollhom COVID-19 mingħajr ma’ juru ebda sintomu jew ikollhom sintomi ħfief ħafna u għalhekk huwa important ħafna li kull meta se jkun hemm kuntatt ma’ nies oħra, per eżempju meta mmorru s-supermarket, jew nixtru xi ħwejjeġ jew ħwienet oħra jew għand il-hairdresser jew beauty therapist, jew fil-Knisja etċ, wieħed għandu dejjem jilbes il-maskra u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa li jinsabu fuq www.covid19.gov.mt.

Kien hemm diversi ġranet fejn l-għadd tal-każi kien pjuttost wieħed żgħir. X'qed isir biex ikun assigurat li l-iswabbing jibqa' għaddej. X'inhu l-appell tiegħek?

Iva dawn l-aħħar jiem kellna diversi ġranet fejn ma’ kienx hemm l-ebda każ ta’ COVID-19 irrappurtat. Allavolja hemm xi ġranet fejn in-numri ta’ testijiet li saru naqas, l-appell tiegħi huwa biex dawk in-nies kollha li għandhom xi sintomu li jista’ jkun wieħed ta’ COVID-19 għandhom iċemplu l-Helpline fuq in-numru 111 biex jagħmel  appuntament għat-test. Anke jekk wieħed ma għandu l-ebda sintomu tkun idea tajba li wieħed jibbukkja biex jagħmel it-test darba kultant. Ikun ta’ eżempju tajjeb jekk kumpaniji jinkoraġġixxu l-ħaddiema tagħhom biex imorru jagħmlu t-test. 

Fl-aħħar ġimgħat qrajna kif skont esperti fir-Renju Unit, mediċina komuni u rħisa (dexamethasone) tista' tintuża għall-kura tal-pazjenti li jkunu morda serjament bil-COVID-19. F'Malta qed tintuża din il-mediċina? Jekk le għaddejin studji dwarha?

 Minn meta r-riżultati tar-riċerka dwar id-dexamethsone ġew ippubblikati ma’ kienx hemm pazjenti b’COVID-19 fejn l-użu ta’ din il-mediċina kienet indikata. Jekk ikun hemm xi pazjent li jista’ jibbenenfika minn dan, huwa maħsub li tingħata. 

Fiex waslu l-istudji li kienu qed isiru fuq id-demm ta' persuni biex wieħed jistabbilixxi kemm persuni ltaqgħu diġà mal-virus u allura żviluppaw anti-bodies? Hemm riżultati li tista' taqsam magħna?

Dawn l-istudji fil-popolazzjoni Maltija għadhom għaddejin fil-preżent fuq gruppi ta’ nies differenti. Mill-ewwel indikazzjonijiet li għadhna, il-persentaġġ ta’ nies li kellhom il-virus huwa pjuttost baxx u simili għal dak li nstab f’pajjiżi barra minn Malta.  

Il-famuża tieni mewġa. Hawn diversi persuni li jinsabu kważi kważi ċerti li f'Ottubru se jerġa' jingħalaq kollox u nerġgħu nissakkru d-dar. Għad hemm riskju tat-tieni mewġa?

Ir-riskju tat-tieni mewġa huwa dejjem preżenti. Irridu dejjem nibqgħu viġilanti u naddottaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni ta’ kontra l- COVID-19 bla eċċezzjoni. Fil-fatt l-importanza li nittestjaw lil kull minn għandu xi sintomi, nagħmlu tracing tal-kuntatti tal-persuna u niżolaw dawk li potenzjalment ġew infettati hija l-aħjar arma li għanda bħalissa fil-ġlieda kontra l- COVID-19.

More in Politika