Rabja kbira għal Deputati u uffiċjali tal-PN sigħat qabel Delia jiffaċċja possibilità ta' vot ta' sfiduċja

'Ilhom tliet snin jaħdmu kontrih' jgħidu sorsi mill-Partit Nazzjonalista li juru lil dan is-sit messaġġi li ntbagħtu lill-Kunsilliera u jgħidu li grupp ta' Deputati Nazzjonalisti, ilhom jaħdmu biex iqaċċtu lil Delia

Ftit sigħat qabel jitlaqqa' l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, li jista' jieħu vot ta' fiduċja, sorsi li tkellmu mal-illum.com.mt urew messaġġi lil dan is-sit ta' diversi Deputati u uffiċjali lill-Kunsilliera jew uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista illi fihom qed iħeġġu biex Delia jitneħħa.  Fil-fatt dawn il-messaġġi ilhom minn Jannar tas-sena l-oħra, xi ħaġa li skont dawk li tkellmu ma' dan is-sit juri "kif ilhom jaħdmu kontra l-Kap issa l-istess nies."

Jidher li bħalissa hemm tentattiv ta' appoġġ favur Delia b'messaġġi jduru fuq il-midja soċjali, fosthom jgħidu  - 'No Delia. No Vote'.  Illejla se jitlaqqa' l-Grupp Parlamentari tal-PN li jaf jintalab jieħu vot ta' sfiduċja f'Delia, vot li l-Kap tal-PN hemm ċans li jitlef.

Is-sorsi li tkellmu ma' dan is-sit qalu li issa ħafna fil-partit huma mxebbgħin b'dawk li sejħu "attentati moqżieża biex jitneħħa Delia".
Wieħed mill-messaġġi fuq il-Whatssapp li ra dan is-sit juri messaġġ li ntbagħat minn Mark Anthony Sammut jgħid illi qala' theddid u li "jekk Delia ma jirraġunax l-affarijiet jistgħu jieħdu direzzjoni ħażina ħafna."  L-istess Sammut jisħaq ma' Kunsilliera li kellmu lil dan is-sit illi hu qal illi b'Delia l-Partit Nazzjonalista sar partit tal-35%.  F'messaġġ ieħor jidher jgħid li jekk jitkeċċa Delia, mill-ewwel jiżdied l-appoġġ għall-Partit Nazzjonalista b'mod li jkun jista' jerġa' jikkompeti. 

Intant messaġġi oħrajn li ra dan is-sit juru lid-Deputat Jason Azzopardi jitkellem ma' Kunsilliera bl-istess mod.  F'każ minnhom hu jgħid lil xi ħadd illi jekk hemmx xi ħadd li lest jieħu post Delia "huwa sekondarju" għalkemm jinsisti li hemm min huwa lest biex jeħodlu postu , anke bħala Kap Interim. 

Ikkuntattjat minn l-illum.com.mt Jason Azopardi insista li hu qatt ma' ħeba xejn u dak li kellu jgħid qalu fil-pubbliku. B'referenza għall-messaġġi li jmorru lura għal Jannar - huwa fakkar li dak iż-żmien ukoll kien tkellem b'mod mill-aktar ċar u qatt ma nħeba u kien dejjem konsistenti.

Minn naħa l-oħra Sammut qal illi ladarba l-messaġġi kienu ta' sena ilu u aktar huwa għadda dawk il-messaġġi fil-kuntest ta' meta saru u qal ukoll illi wara li l-Kunsill Ġenerali rrijikonferma lil Delia bħala Kap tal-partit, "jiena baxxejt rasi."

'Tliet snin ilhom jippruvaw iħammġuh'

Is-sorsi li tkellmu ma' dan is-sit jilmentaw illi xebgħu b'orkestrazzjoni ta' messaġġi kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista elett demokratikament. 

Huma jakkużaw lil Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u David Thake li qed jaħdmu flimkien kontra Delia u jfakkru illi Delia se jkun kandidat fuq it-tmien distrett - li jinkludi Birkirkara, fejn se jkunu kandidati wkoll Fenech Adami u Thake.

"Tliet snin ilhom jippruvaw iħammġuh.  U issa orkestraw din l-istorja," qal is-sors.  Huwa insista li din ta' Fenech mhi minnha xejn u l-messaġġi huma ffabbrikati.  "Lanqas biss għandu numru ta' Yorgen Fenech," insistiet il-persuna li tkellmet ma' dan is-sit. 
Delia qatt ma qal, fil-fatt, li huma ffabbrikati l-messaġġi tal-Whatsapp imma qal biss li huma parti min attakk ikkordinat kontrieh u li l-messaġġi ta' Fenech fl-ebda ħin ma affetwawh. 

The Sunday Times nhar il-Ħadd li għadda ħarġet sensiela ta' messaġġi bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia illi fihom Fenech allegatament qal lil Delia li t-telfa tal-PN fl-2019  - fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew - ma kinitx fuqu u li "aħna se nibqgħu warajk jiġri x'jiġri".  Messaġġ ieħor juri lil Fenech jitlob lil Delia biex imorru jieklu b'Delia jwieġeb  li se jitlob lil Pierre Portelli jirranġa kollox. 

Delia, mistoqsi jekk qattx mar jiekol għand Fenech kien qal li hu qatt ma kellu kuntatt mal-akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia wara li kien magħruf illi 17 Black hija tiegħu.  Imbagħad kien qal li ma kellu ebda kuntatt "ta' rilevanza".

L-akbar akkuża mdendla fuq ras Delia hija dik li hu jew xi ħadd fil-PN aċċetta €50,000 biex David Casa ma jkunx elett fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, flus allegatament mgħoddijin mingħand Yorgen Fenech.  Dan kien indikat mid-Deputat Nazzjonalista David Thake sena ilu, minn Melvin Theuma kif ukoll minn Keith Schembri.  Dan tal-aħħar kien saħansitra qal li Portelli kien imur il-lobby tal-Portomaso, fejn Fenech kien jgħaddi dawn l-allegati flus. 

Fuq dawn il-flus għaddejja Inkjesta Maġsterjali u investigazzjoni mill-Pulizija.

More in Politika