284 immigrant se jkunu trasferiti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea f’eżerċizzju ta’ rilokazzjoni kkordinat mill-Kummissjoni Ewropea. In-negozjati bdew meta l-portijiet Maltin kienu magħluqa minħabba l-pandemija u diversi immigranti spiċċaw jistennew bejn sema u ilma ‘l barra mit-territorju Malti.
Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li d-deċiżjoni li Malta żżomm l-immigranti fuq dawn il-bastimenti ttieħdet fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19 meta pajjiżna ma setax joffri post sigur għal persuni li jaslu Malta irregolarment bil-baħar.
Bħalissa beda beda l-proċess sabiex l-ewwel grupp ta’ 204 immigrant jiġu rrilokati lejn il-pajjiżi l-oħra. Fil-każ tat-tmenin immigrant ieħor, hemm impenn politiku bejn Malta u l-membri stati kkonċernati li ser ikun segwit mill-Kummissjoni Ewropea.
Minbarra l-ħidma biex l-immigranti jiġi rilokati, bdiet ukoll ħidma biex immigranti minn pajjiżi meqjusa bħala siguri jkollhom il-proċess tal-ażil tagħhom aċċelerat. Dan il-proċess qed isir skont proċeduri maħsuba biex każi bħal dawn ikunu proċessati b’aktar ħeffa u allura l-awtoritajiet Maltin ikunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jibgħatu lil dawn il-persuni lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom.
Din l-operazzjoni, maħsuba biex tevita riskji marbuta mas-saħħa pubblika, swiet €1.7 miljun u l-gvern Malti għadu għaddej b’taħdidiet bil-għan li jikseb fondi Ewropej.
Il-gvern assigura li jsir ittestjar mediku tal-immigranti kollha li kienu abbord dawn il-bastimenti, u ħadd mill-immigranti ma rriżulta pożittiv għal COVID-19.
Il-kirja tal-bastimenti kienet ta’ €363,440. Kif kienet żvelat il-gazzetta ILLUM, din kienet tikkonsisti fi €3,000 kuljum għal bastimenti tal-Captain Morgan u €6,500 għal bastiment tas-Supreme Travel vessel. Żewġ kumpaniji oħra kienu kkuntatjati iżda ma kinux interessati li jipprovdu s-servizz.
Il-provvisti u servizzi marbuta magħhom swew €212,646. Għal dan il-għan, tqabbdu 33 kumpanija u negozji differenti li jipprovdu ikel u xorb, prodotti sanitarji u ħwejjeġ, fost oħrajn.
Il-kirjiet ta’ dgħajjes biex jitwasslu l-provvisti swew €87,741 u kien hemm infiq ta’ €10,908.12 fuq proċeduri ta’ diżambarkazzjoni.
Minħabba n-natura tal-operazzjoni, il-preżenza tas-sigurtà 24 siegħa kuljum kienet essenzjali. Kien hemm medja ta’ 12-il uffiċjal ta’ sigurtà f’kull ħin tal-ġurnata għal sebat ijiem fil-ġimgħa. Aktar minn 33,000 siegħa ta’ sigurtà rriżultaw f’nefqa ta’ miljun ewro. Il-kumpanija ta’ sigurtà ntgħażlet għaliex fil-mument li bdiet l-operazzjoni kienet toffri servizzi fil-Marsa Initial Reception Centre, għalhekk setgħu jipprovdu servizz fl-inqas ħin possibbli.
“Il-gvern jibqa’ kommess li r-rilokazzjoni tkun prinċipju ewlieni tal-politika Ewropea, l-aktar f’dan il-mument importanti fejn qed jiġi diskuss il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. Fl-istess waqt, Malta ser tkompli taħdem mal-Libja sabiex tiġi indirizzata din l-isfida kmieni kemm jista’ jkun, jiġi evitat it-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran u jiġu miġġielda t-traffikanti tan-nies,” saħqet l-istqarrija.