Aġġornata | Woods jinżamm arrestat wara li tressaq akkużat li qatel u ħeba l-ġisem ta' Charlene Farrugia

Il-fdalijiet tal-istess Farrugia nstabu s-sena li għaddiet f'għar fis-swar barra l-Belt Valletta

John Paul Charles Woods tressaq il-Qorti llum akkużat bil-qtil ta’ Charlene Farrugia li kienet irrapportata nieqsa 12-il sena ilu.

Woods kien akkużat ukoll li żamm lill-vittma kontra r-rieda tagħha u ħeba ġisimha f’għar fis-swar barra l-Belt Valletta.

Dak iż-żmien, Farrugia kellha 25 sena.

Dan l-iżvilupp seħħ kważi sena wara li John Paul Charles Woods, li kien arrestat dwar hold-up fil-Gżira u kien ingħata sentenza ta' seba' snin ħabs, allegatament ammetta li kien hu li qatel lil Farrugia u fil-fatt kien l-istess persuna li indika lill-Pulizija fejn kienu jinsabu l-fdalijiet tagħha.

Madanakollu, illum fil-Qorti, Woods wieġeb mhux ħati. Għalissa ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.

Fuq il-fdalijiet kienu saru l-eżamijiet tad-DNA li kienu kkonfermaw li l-fdalijiet kienu ta’ Farrugia, it-tfajla li kienet daħlet il-Belt bil-karozza u qatt ma ħarġet lura, nhar is-6 ta’ Novembru tal-2008.

Il-karozza baqgħet qatt ma nstabet.

Is-Supretendent Ramon Cassar, qal li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejja u mhux eskluż li aktar persuni, involuti f’dan il-każ, se jitressqu l-Qorti.

Aqra wkoll hawn dak li kienet żvelat il-gazzetta ILLUM: "Woods instab ħati darbtejn bi vjolenza fuq nisa."

More in Politika