Il-Ministru Farrugia Portelli tgħid li Malta mistennija tilqa' mas-700,000 turist fl-2020

Sal-aħħar ta' din is-sena - immarkata mill-pandemija Covid-19 - Malta mistennija tilqa' 700,000 turist

Malta mistennija tattira 700,000 turist sal-aħħar tas-sena, skont il-Ministru Julia Farrugia Portelli.  Is-sena l-oħra Malta attirat 2.7 mljun turist, qabel f'Marzu ta' din is-sena l-ajruport kellu jagħlaq minħabba l-pandemja tal-Covid-19.  L-industrija turistika ħadet daqqa kbira madwar id-dinja hekk kif l-ivjaġġar waqaf, b'miljuni kbar fi dħul jintilfu u linji tal-ajru, lukandi, ristoranti u aġenziji relatati mat-turiżmu jkeċċu eluf ta' ħaddiema 

F'pajjiżna l-industrija wkoll intlaqtet b'mod ħażin bil-Gvern jħallas il-Wage Supplement bħala soljev. Anke l-pagi fl-Air Malta kellhom jitnaqqsu, xi ħaġa li waslet biex nofs il-piloti tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru jitkeċċew hekk kif dawn ma qablux mal-proposti tal-Gvern magħmulin biex jilqgħu għad-daqqa ekonomika.  L-Air Malta qalet illi fil-perjodu tal-pandemija, sal-bidu ta' Ġunju, kienu kkanċellati 5,000 titjira u saret 40,000 talba għal rifużjoni

 F'kummenti mal-Maltatoday Julia Farrugia Portelli qalet illi Malta qed tiġi rriklamata bħala pajjiż sigur b'numri baxxi ta' nies bil-Covid-19.  Illum fil-fatt kienet ir-raba' ġurnata konsekuttiva illi fiha ma kienx hemm każi ġodda ta' persuni bil-Covid-19. 

Għada l-Erbgħa se jerġa jinfetaħ l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta bl-ewwel titjiriet minn u lejn lista ta' pajjiżi meqjusin siguri wkoll. 

More in Politika