L-ispeaker isib lill-Azzopardi ħati ta' ksur ta' privileġġ meta qal li Muscat kien jaf li se tinqatel Daphne

Jason Azzopardi jgħid li mhux se jirtira dak li qal u allura l-materja se tispiċċa quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi

Id-Deputat tal-PN Jason Azzopardi
Id-Deputat tal-PN Jason Azzopardi

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi nstab ħati ta' ksur ta' privileġġ meta qal fil-Parlament il-ġimgħa l-oħra illi l-eks PM Joseph Muscat jew sejjaħ elezzjoni bikrija għax kien jaf li Daphne Caruana Galizia se tikxef il-proġett tal-Wind Farms f'Montenegro jew inkella għax kien jaf li se tinqatel. 

F'messaġġ fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook Muscat qal li minkejja kritika li kellu minn bosta nies qrib tiegħu "jien dejjem sostnejt li għandi nħalli l-liberta' tal-espressjoni tirrenja mhux imxekkla, anki meta dak li jintqal kontrija kien ikun goff, esaġerat jew ivvintat. Iżda din il-gidba kienet iżżejjed u l-agħar abbuż mill-Privileġġ Parlamentari li qatt rajt kemm ilni nsegwi l-Kamra tar-Rappreżentanti, l-ewwel bħala ġurnalista u wara bħala Membru."

Azzopardi qal li hu mhux se jirtira dak li allega u allura din il-materja se tispiċċa quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi.

'Se nħarrek għexieren ta' xhieda'

F'messaġġ fuq Facebook id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sostna illi dak li qal il-ġimgħa l-oħra qalu kemm fil-Parlament u anke barra.  "Meta jien tkellimt fl-aġġornament l-Erbgha li ghaddew jien semmejt żewġ fatti li ħarġu minn xhieda fil-Qorti l-Erbgha stess. Naf li kienu fatti ġodda għall-pubbliku u li xxukjaw lil diversi, imma dan ma jfissirx li m'humiex veri ghax kienu xokkanti u li Deputat Parlamentari ma jistax jinterpretahom b'mod loġiku u naturali."

Huwa qal illi fil-Kumitat beħsiebu jħarrek ghexieren ta' xhieda, "Uħud li bħalissa jinsabu fil-Facillita Korrettiva ta' Kordin.
Imbaghad naraw min qal il-verità." 

More in Politika