Joseph Muscat jgħid li ta' Jason Azzopardi hija gibda u malafama diżgustanti

Jason Azzopardi jallega illi Muscat seta' kien jaf bil-qtil ta' Daphne u għalhekk sejjaħ elezzjoni

Joseph Muscat ilejla f'Ħaż Żabbar
Joseph Muscat ilejla f'Ħaż Żabbar

B'referenza għall-allegazzjoni tad-Deputat Jason Azzopardi l-eks PM u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li llum huwa assista għall-iżjed każ disgustanti tal-privileġġ parlamentari, meta Azzopardi allega fost oħrajn li l-eks Prim Ministru kellu informazzjoni li hemm pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia u għaldaqstant sejjaħ l-elezzjoni ġenerali qabel.

Huwa qal li filwaqt li jemmen illi politiku jrid jaqla’ ġo fih kemm jista’ u jħalli l-libertà tal-espressjoni tirrenja b’mod suprem., "l-aġir ta’ Azzopardi kien gidba inġurjuża u malafamanti fil-konfront tiegħu, li minbarra li ċaħadha bil-qawwa kollha, hija bla bażi."

Iktar Kmieni: Meta kien qed jitkellem fil-Parlament waqt il-ħin tal-aġġornament id-Deputat Nazzjonalista  Jason Azzopradi għamel allegazzjoni serja illi jew l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf li Daphne kienet se tikxef id-dettalji tal-proġett fil-Montengro - li jiddiskrevih bħala r-raġuni għalfejn inqatlet Caruana Galizia - jew inkella, saħansitra, li kien jaf illi Caruana Galizia kienet se tinqatel u allura sejjaħ elezzjoni bikrija. 

Huwa qal illi Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech kellhom chat bejniethom fejn lil Muscat kienu jsejħulu l-Ginger, u akkużah illi huwa "giddieb" meta qal illi l-elezzjoni ġenerali ssejħet minħabba Egrant. "L-elezzjoni ma ssejħitx minħabba Egrant, għax Daphne kixfet din l-istorja f'April tal-2017, imma għax beżgħu li se jinkixfu u għax kien hemm kumplott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.  Ried jeħles qabel tinqatel." 

Huwa għamel elenku ta' tliet fatti li ħarġu mill-Qorti llum fosthom li Spettur ikkonferma li l-Burner Phones użati biex tisplodi l-bomba inxtraw f'Diċembru tal-2016.  Huwa qal ukoll illi kien stabbilit  - issa b'ġurament - li Yorgen Fenech kien jaf li ser issir elezzjoni bikrija minn Diċembru tal-2016. 

"Mela fl-aqwa xenarju Muscat kien jaf li Daphne se tikxef u fl-agħar xenarju Muscat kien jaf li Daphne se tinqatel u sejjaħ elezzjoni."

Kelliem għal Repubblika Robert Aquilina sostna illi jekk dan jirriżulta li huwa minnu ikun ifisser li pajjiżna kien immexxi mill-mafja.   "Jekk ħasbu li ser jaħslu dnubithom b'erba' riżenji sejrin żball. Ser nibqgħu niġru warajkhom sakemm ilkoll tieħdu li ħaqkom skond il-liġi."

More in Politika