L-MEPs Maltin jingħaqdu u jinnominaw lil Charmaine Gauci u t-tim tagħha għal premju taċ-Ċittadini Ewropej

Miriam Dalli, Roberta Metsola, Alfred Sant, David Casa, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar għamlu dan flimkien

Is-sitt Ewroparlamentari Maltin ingħaqdu flimkien biex jinnominaw għall-Premju taċ-Ċittadini Ewropej tal-2020, lill-Professur Charmaine Gauci, it-tim tagħha u l-professjonisti u l-voluntiera kollha tal-kura tas-saħħa li għenu biex jikkoordinaw ir-rispons tas-saħħa pubblika ta’ Malta għall-pandemija COVID-19.

Miriam Dalli, Roberta Metsola, Alfred Sant, David Casa, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar għamlu dan flimkien.

Il-Professur Gauci hija professur assoċjat fl-Università ta’ Malta. Hija membru tal-forum konsultattiv taċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard, kif ukoll membru tat-tim imwaqqaf mill-President tal-Kummissjoni Ewropea sabiex l-UE tkun tista’ tirrispondi għall-pandemija b'politika kkoordinata. L-impenn tagħha biex tmexxi 'l quddiem rispons Ewropew għall-pandemiċi u l-kollaborazzjoni fil-kura tas-saħħa għandha influwenza lil hinn minn xtutna.

“Il-Professur Gauci u t-tim tagħha huma xhieda tal-valuri Maltin u Ewropej fil-promozzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq ix-xjenza għall-kura tas-saħħa u miżuri oħra immirati biex irażżnu l-kontaġju. Għalhekk, dawn huma rappreżentanti denji tal-ħila Maltija biex tingħeleb il-pandemija u jistħoqqilhom ikunu rikonoxxuti,” qalu l-Ewroparlamentari.

Kull sena, il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi nies u organizzazzjonijiet li eċċellaw fil-kontribut tagħhom għas-soċjetà. 

B’appoġġ għall-ħidma mwettqa minn ċittadini Maltin, il-MPE ta’ Malta jimpenjaw ruħhom biex jinnominaw b’mod konġunt ċittadin, proġett jew kawża li jistħoqqilhom. 

Din is-sena, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ in-nominazzjonijiet għal nies li jgħinu matul il-pandemija COVID-19.

More in Politika