Attenti! Aktar minn 200 persuna ffrodati online minn Jannar ta' din is-sena

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena biss, kien hemm ‘żieda sostanzjali’ fl-għadd ta’ Maltin li sfaw vittma ta’ frodi onlajn u dan meta ħafna jibqgħu qatt ma jirrapportaw ir-reat. Is-sit illum.com.mt jitkellem mal-Pulizija tas-Cyber Crime

Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, jiġifieri minn Jannar sa issa, il-Pulizija mill-Iskawdra tac-Cyber Crime investigat 216-il reat ta’ frodi, jiġifieri medja ta’ madwar 36 reat kull xahar. Jekk wieħed jibqa’ jimxi mal-medja, dan ifisser ukoll li madwar persuna kuljum qed tisfa vittma ta’ frodi fuq l-internet.

Il-gazzetta ILLUM ltaqgħet mal-Ispettur Sergio Pisani mill-iskwadra li tissielet kontra dawn ir-reati li spjega mhux biss kemm hu faċli li persuna tispiċċa vittma iżda anke kemm huma sempliċi dawk il-passi li tista’ tieħu biex tippreveni li tisfa misruqa b’sempliċiment tagħfisa ta’ buttuna.

L-Ispettur beda jispjega kif bil-kelma frodi wieħed ifisser reat li permezz tiegħu persuna timmanipola lil xi ħadd għal gwadann finanzjarju jew personali.

Hemm tipi differenti ta’ frodi fuq l-internet, fost dawn, l-Ispettur semma’ l-manipulazzjoni ta’ hotspots tal-WiFi, frodi fuq l-ivjaġġar, frodi permezz tal-mowbajl, frodi fuq l-ivjaġġar, frodi ta’ investiment, frodi tan-namur, frodi marbuta mas-servizzi bankarji u anke serq ta’ identità. Marbut mal-frodi hemm ukoll ir-rikatt. 

L-ILLUM staqsietu kemm hu komuni li persuna tispiċċa vittma ta’ frodi fuq l-internet u kien hawn li l-Ispettur spjega kif fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-Pulizija investigat 99 każ. Fl-istess tliet xhur tal-2019, il-Pulizija investigat 86 każ.

“Huwa fatt magħruf li mhux kull vittma tirrapporta lill-Pulizija. Dak li qed intik jiena żgur li mhijiex l-istampa kollha,” insista l-Ispettur.

Fi kliemu, dawn l-intrapriżi kriminali, globalment qed jakkwistaw mas-6 miljun dollaru fis-sena.

Komplejna nħarsu lejn in-numri. Jekk fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-Pulizija investigat 99 każ ta’ frodi, fit-tieni kwart tas-sena (li qegħdin fih u għadu ma spiċċax), 117-il persuna sfat vittma ta’ frodi. Dan ifisser li din is-sena, sa issa, 216-il persuna sfaw vittma ta’ frodi u dawn ma jinkludux ir-rikatt. 

Jekk tieħu r-rikatt waħdu, sa issa, fl-2020, il-Pulizija investigat 65 każ.

Meta wieħed iqabbel dan mal-istess xhur tas-sena li għaddiet, jirriżulta li kien hemm żieda sostanzjali f’kull qasam. Fejn jidħol frodi, fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, kien hemm 147 każ. Fejn jidħol ir-rikatt, fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, il-Pulizija ltaqgħet ma’ 25 vittma.

“Qed naraw li hemm żieda sostanzjali fejn jidħol frodi u rikatt,” insista l-Ispettur Pisani.

Kien hawn li spjega kif f’dawn il-każi, il-Pulizija trid taħdem f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet barranin għax ħafna minn dawn ir-reati jsiru minn pajjiż għall-ieħor. 

X’nista’ nagħmel biex nevita li nispiċċa vittma ta’ frodi fuq l-Internet?

L-Ispettur Sergio Pisani semma ftit pariri qosra u sempliċi li wieħed jista’ juża biex jevita li jisfa vittma ta’ frodi:

  1. Staqsi lilek innifsek jekk tafx ma’ min qed titratta
  2. Taċċettax offerti li ma jitwemmnux. Mowbajl ta’ €1,000 ma jistax jinbiegħ €100
  3. Fejn hemm dubju tweġibx
  4. Biddel il-password ta’ spiss
  5. Uża passwords kumplessi li jinkludu ittri, numri u karattri speċjali
  6. Tużax l-istess password għal kollox. Jekk taqa’ vittma b’password wieħed, kriminal se jipprova jidħol fil-kontijiet kollha tiegħek
  7. Is-sistemi għandhom ikunu aġġornati
  8. Niżżel biss minn sorsi fdati
  9. Evita li tuża WiFi pubbliċi biex taċċetta informazzjoni personali
  10. Uża siti siguri li jibdew bl-https

Imma huwa dejjem perikoluż li tuża WiFi pubbliku?

L-Ispettur Pisani appella biex persuni ma jużawx WiFi pubbliku biex jaċċessaw informazzjoni personali. Iżda dan ifisser li WiFi pubbliku huwa perikoluż?

L-Ispettur beda jispjega kif kull min juża WiFi pubbliku qed jibgħat l-informazzjoni. Fi kliemu, xi ħadd li qed juża Facebook qed jibgħat il-password.

“Dak li qed jintbagħat jista’ jinqabad faċilment għax mhuwiex WiFi sigur,” spjega. 

Apparti minn hekk, spjega l-Ispettur, jiltaqgħu ma’ każi fejn kriminali jissettjaw hotspot ta’ WiFi fil-pubbliku.

“Immaġina inti tkun qiegħed il-bandli mat-tfal u taqbad ma’ dan il-Free WiFi. Vera li tkun qed tieħu l-Internet imma huma qed jieħdu aċċess għall-informazzjoni tiegħek,” spjega l-Ispettur.

Għalhekk importanti, kompla jispjega, li meta persuna se taqbad ma’ WiFi pubbliku, tassigura ruħha li s-sors ikun wieħed li tista’ tafda. 

“Dejjem irridu noqogħdu attenti ma’ xiex qed naqbdu u x’informazzjoni qed nibagħtu għax ma nafux min qed jirċevih,’ insista l-Ispettur. “Agħar minn hekk tista’ tkun qed taċċessa servizzi bankarji minn fuq WiFi pubbliku jew inkella tkun qed tibgħat xi email tax-xogħol.”

Moħħ il-kriminal jiġri, ħafna drabi qabel ta’ kulħadd. L-Ispettur fakkar li llum il-postijiet tax-xogħol għandhom il-WiFi għall-impjegati tagħhom. Semma każi fejn pereżempju kriminal jaċċessa l-access ID ta’ WiFi ta’ post tax-xogħol, joħloq WiFi aktar qawwi, ipoġġi device viċin u l-mowbajls tal-impjegati (għax hekk ikollhom fis-settings) se jaqbdu mal-aktar WiFi b’saħħtu.

“Hemm jiena se jkolli aċċess għal kollox. Il-kontijiet tiegħek u tal-kollegi tiegħek u l-informazzjoni kollha. Għalhekk aħna nduru u nqajmu ħafna kuxjenza fin-negozji u fl-iskejjel. Irridu nedukaw in-nies biex jagħrfu dawn it-tip ta’ reati u ma jaqgħux vittma,” saħaq l-Ispettur.

Jekk naqa’ vittma ta’ frodi x’għandi nagħmel?
 
Ikun hemm kemm ikun hemm edukazzjoni, dejjem se jibqa’ min jaqa’ vittma ta’ dawn ir-reati. Vittma ta’ frodi x’għandha tagħmel?

L-Ispettur appella biex malli persuna tinduna li sfat vittma ta’ frodi ta’ servizzi bankarji, pereżempju bl-użu ta’ karti tal-kreditu jew debitu, għandha minnufih tikkuntatja l-bank tagħha biex jitwaqqaf il-pagament jew titħassar il-kard.

Apparti minn hekk, l-Ispettur appella biex persuna tagħmel minnufih rapport fl-eqreb Għassa tal-Pulizija. 

Għal gwida u anke l-ħwienet, wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected] Wieħed jista’ jċempel ukoll 22942231 jew 22942232.

“L-aktar messaġġ importanti li aħna rridu nwasslu lin-nies huwa: aħseb aħjar qabel tikklikja. Fl-aħħar mill-aħħar, is-sigurtà diġitali tiegħek, hija prijorità tiegħek. Inti trid tkun li tipproteġi lilek innifsek,” insista l-Ispettur.

Mistoqsi kemm hu faċli li l-pagamenti jkunu ttraċċati u vittma tieħu flusha lura, l-Ispettur saħaq li jekk ma jsirux il-passi adegwati mill-ewwel minn kulħadd involut, inkluż il-vittma, huwa diffiċli ħafna li l-flus jiġi rekuperati.

“Il-flus jiġu trasferiti malajr. Jgħaddu malajr minn kont għall-ieħor. Jinfetqu malajr,” saħaq l-Ispettur. “Għalhekk importanti li l-vittma tinduna mill-ewwel, tagħraf x’informazzjoni trid tippreserva u tgħaddi lill-Pulizija u min-naħa tagħha l-Pulizija trid tieħu l-passi tagħha biex tidentifika u tibblokka l-fondi.”

Pisani saħaq li huwa proċess diffiċli ħafna li jitlob il-koperazzjoni u l-ħidma immedjata ta’ kulħadd.

Fost oħrajn, l-Ispettur spjega kif meta persuna tirċievi email mingħand dak li wara jirriżulta li huwa frodist, mhux biżżejjed li jipprintja l-email u jeħodha lill-Pulizija. L-investigaturi jridu l-email header, jiġifieri t-triq minn fejn telqet l-email sa fejn waslet. Minn dan il-Pulizija ssib l-IP address li jkun marbut ma’ residenza. 

“Faċli ħafna li persuna ssib l-email header minn fuq l-App li qed juża. L-email address mhuwiex biżżejjed,” insista l-Ispettur.

Imma jekk sit ikun jidher professjonali, jiena kif se ninduna li mhux sigur?

Fuq Facebook jitilgħu ħafna riklami ta’ prodotti u ħwejjeġ. Jogħġbok xi ħaġa, tagħfas il-link u ssib ruħek f’sit professjonali. Tixtri, tħallas u tirċievi email pulita li l-ordni hija kkonfermata. Iżda jgħaddu l-ġimgħat u x-xhur u l-ordni ma tasalx. Kif se ninduna li sit li jidher professjonali, ikun biss scam.

L-Ispettur Pisani beda billi spjega kemm huma faċli li persuna toħloq sit li jidher professjonali, anke jekk warajh ikun hemm biss għanijiet kriminali. 

“Din hija xi ħaġa komuni ħafna. Biex twettaq dan it-tip ta’ reat huwa ħafif ħafna,” insista l-Ispettur. “Anke bniedem li mhux tekniku kapaċi joħloq sit professjonali.”

Spjega kif permezz ta’ buttuna u ftit irtokki, persuna faċilment toħloq sit li jkun identiku għal sit ieħor professjonali. 

L-Ispettur spjega kif l-aktar sit li kien iffrodat b’dan il-mod jew ikkuppjat, huwa dak tal-PayPal, jiġifieri wieħed mill-aktar portals użati ta’ ħlasijiet.

“Inti mingħalik li qed tillogja fil-PayPal tiegħek biex tħallas lil xi ħadd iżda minflok tkun qed taċċessa s-sit tal-kriminal. Malli inti daħħalt il-username u l-password, dawn marru fuq is-sit propja tal-PayPal u daħlu fil-kont tiegħek,” spjega l-Ispettur.

Hawnhekk l-Ispettur reġa’ appella. Taċċettax offerti li ma jitwemmnux.

Waqt li tkellem dwar kif it-teknoloġija qed tiżviluppa u anke qed tagħmel il-ħajja ta’ ħafna aktar faċli, mill-banda l-oħra l-kriminali raw kif ħatfu din l-opportunità. Fi kliem sempliċi, flok marru u serqu bank jew ħanut, illum mid-dar, bilqiegħda fuq sufan, jistgħu jħaxxnu buthom minn Fuq dahar ħaddieħor.

Min jaqa’ l-aktar vittma? L-adulti u l-anzjani jew inkella ż-żgħażagħ

Minkejja l-perċezzjoni li persuni adulti u anke anzjani kapaċi jaqgħu aktar vittmi ta’ frodi għax ma jkollhomx biżżejjed litteriżmu fuq kif jużaw il-midja soċjali u l-internet, din mhijiex neċessarjament l-istampa veritiera.

“Illum kulħadd bl-Instagram u anke l-Facebook speċjalment żgħażagħ. Il-ħin kollu jitilgħu riklami ta’ prodotti iżda kollha jew ħafna minnhom ikunu fake accounts. Huwa fatt magħruf li ż-żgħażagħ jixtru ħafna onlajn u ma tantx idumu jaħsbuha,” saħaq l-Ispettur. “Adulti u anzjani li jafu li ma jifhmux daqshekk, kapaċi jżommu aktar lura.”

Jintilfu ħafna flejjes bil-frodi online?

L-Ispettur spjega kif li persuna titlef mijiet jew inkella eluf hija komuni ħafna.

Kien hawn persuni li tilfu miljuni wkoll imma dan mhux daqshekk komuni.

“Mijiet u eluf żgħar hija xi ħaġa regolari ħafna,” saħaq l-Ispettur. 

Iżda mhux bilfors jinsterqu eluf u miljuni. 

“Tant kemm l-attakki huma mifruxa li jinġabru flejjes żgħar mingħand ħafna nies li jammontaw għal somom kbar. Immaġina kriminal li jisraq €10 mingħand 1,000 persuna. Wieħed ma jħosshiex u jaf lanqas jirrapporta. Imma mill-kumdità ta’ dahru, mingħajr il-Pulizija jiġru warajh, kriminal daħħal €10,000,” spjega l-Ispettur.

More in Politika