(Din hija t-tieni parti ta' dan is-sondaġġ. Tistgħu taqraw l-ewwel parti, li titratta jekk in-nies jaqblux jew le mal-IIP u għaljejn: Hawnhekk)
Minn sondaġġ xjentifiku li qed tippubblika l-gazzetta ILLUM, li sar mill-kumpanija Sagalytics - rinomata fix-xogħol tas-sondaġġi - u li ken mgħoddi lill-Gvern, jirriżulta illi 29% tal-Maltin u l-Għawdxin illum jaqblu li l-Individual Investor Programme (IIP), magħruf ukoll bħala bejgħ taċ-ċittadinanza b'Investment, jittejjeb permezz ta' miżuri diversi.
Meta bdiet u għall-ewwel snin din l-iskema attirat kritika lokali, imma wkoll Ewropea hekk kif mhix l-unika skema simili fi Stati Membri tal-UE.
33% ma jafux x'ibidlu mill-IIP
In-nies kienu mistoqsija xi jbiddlu mill-programm tal-bejgħ taċ-ċittadinanza kif inhu bħalissa.
Maġġoranza relattiva ta' 33% qalu li ma jafux, filwaqt li kważi 23% qalu illi jaċċertaw illi min jixtri ċ-ċittadinanza Maltija jgħaddi minn għarbiel ikbar. Simili ħafna għal dawn tal-aħħar 5.9% jgħidu li hemm bżonn tkun aktar diffiċli li wieħed jakkwista iċ-ċittadinanza ta' pajjiżna. 5.6% oħra qalu illi mhux bidliet hemm bżonn iżda li l-iskema titwaqqaf kompletament.
Minn naħa l-oħra 11.8% jemmnu li l-iskema mhix miftuħa għal biżżejjed nies u 7% iħossu li kif inhi l-iskema hija tajba biżżejjed.
Finalment, 5.6% oħra jaħsbu li hemm bżonn jitnaqqas l-abbuż mill-ħasil ta' flus.
29.7% jemmnu li l-flus għandhom jintefqu ...
Dawk li pparteċipaw fis-sondaġġ xjentifiku dwar l-Individual Investors' Programme (IIP)- il-bejgħ taċ-ċittadinanza b'investiment - kienu mitlubin jgħidu, fhiex jemmnu li għandhom jintefqu l-flus li deħlin minn din l-iskema. 29.7% jemmnu li flus għandhom jintefqu f'benefiċċji soċjali, edukazzjoni u saħħa filwaqt li 21.6% jgħidu li għandhom jintefqu skont l-eżiġenzi tal-mument u allura, per eżempju, fl-aħħar xhur kellhom jintefqu fuq ilqugħ mill-pandemija Covid-19. Similarment, 21.4% qalu li għandhom jintefqu fit-titjib tal-pajjiż.
Kważi 10% (9.6%) jgħidu li għandhom jintefqu fuq proġetti infrastrutturali, filwaqt li 8.3% jagħtu risposta aktar ġenerika: 'biex tespandi l-ekonomija'.
6.4% jgħidu li ma jafux kif għandhom jintefqu l-flus.
51.6% jafdaw lil Alex Muscat, responsabbli mill-IIP
Intant dawk li pparteċipaw kienu mitlubin jafdawx lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat li huwa responsabbli mill-IIP. Huwa nħatar f'din il-kariga mill-PM Robert Abela.
Dawk li pparteċipaw kienu mitlubin jagħtu marka: Minn 1, li tfisser assolutament ma jafdawhx sa 5, li tfisser assolutament jafdawh.
38.8% taw 5- u allura assolutament jafdaw lil Muscat filwaqt li 14.5% taw 1 - u allura assolutament ma jafdawhx. 12.8% oħra taw 4 - u allura 51.6% jafdawh jew jafdawh ħafna.
Minn naħa l-oħra 7.7% tawh 2 - u allura 22.2% ma jafdawhx jew ma jafdawh xejn.
26.3% tawh 3 u allura la jafdawh u lanqas ma jafdawhx.
Muscat huwa aktar popolari man-nisa, ma' dawk li għandhom bejn 26 u 35 sena, dawk li jgħixu fil-punent tal-pajjiż u naturalment mal-Laburisti.