Sondaġġ xjentifiku | 62.7% jaqblu mal-IIP illum ... Kważi 54% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017 jaqblu

Nippubblikaw l-ewwel parti ta' sondaġġ xjentifiku tal-kumpanija rinomata Sagalytics.  Dan is-sondaġġ juri illi l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza b'investiment (IIP) illum għandha appoġġ ħafna iktar mifrux.  29% iżda jaqblu li għadu jkun hemm bidliet biex l-IIP tnaqqas ċ-ċans ta' abbuż. 

Minn sondaġġ xjentifiku li qed tippubblika l-gazzetta ILLUM, li sar mill-kumpanija Sagalytics - rinomata fix-xogħol tas-sondaġġi -  u li ken mgħoddi lill-Gvern, jirriżulta illi 62.7% tal-Maltin u l-Għawdxin illum jaqblu mal-Individual Investor Programme (IIP), magħruf ukoll bħala bejgħ taċ-ċittadinanza b'Investment.  Meta bdiet u għall-ewwel snin din l-iskema attirat kritika lokali, imma wkoll Ewropea hekk kif mhix l-unika skema simili fi Stati Membri tal-UE. 

Minkejja dan, illum huma biss 21.5% li ma jaqblux ma' din l-iskema filwaqt li 15.9% ma jafux jekk jaqblux jew le. 

Kontra:  Nazzjonalisti, nisa u mit-Tramuntana tal-Port

Fl-ebda grupp - la skont l-età, skont il-ġeografija u lanqas skont l-edukazzjoni - ma hemm maġġoranza ta' nies li huma kontra.  Iżda, kif mistenni minħabba kampanja qalila kontra l-istess skema, 35.2% ta' dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017 huma kontrieha.  Xorta, maġġoranza ta' 53.7% ta' dawn il-votanti huma favur. 

B'23% in-nisa huma aktar negattivi dwar din l-iskema għalkemm maġġornza kbira ta' 59.3% xorta jħossu li l-IIP hija xi ħaġa tajba. 
L-aktar nies li huma kontra huma dawk bejn is-46 u l-55 sena, fejn 26% esprimew opinjoni negattiva dwar l-IIP, 56.8% esprimew opinjoni pożittiva u l-bqija ma kienux jafu hux favur jew kontra. 

Finalment dawk li huma l-aktar kontra dan il-programm, snin wara li kien varat mill-Gvern preżenti, huma dawk fit-tramuntana tal-port - fejn 27.5% qalu illi ma jaqblux, 53.4% qalu li jaqblu u 19.% qalu li ma jafux jekk jaqblux jew le. 

Din iż-żona tinkludi lokalitajiet bl-akbar maġġoranzi Nazzjonalisti bħal:  Tas Sliema, San Ġilajn u s-Swieqi kif ukoll lokalitajiet bħal Birkirkara, Ħamrun, Pembroke, San Ġwann u l-Imsida. 

 Favur:  Laburisti, minn nofsinhar u irġiel

Intant , fuq in-naħa l-oħra, l-aktar nies li huma favur huma dawk, kif mistenni mill-ġdid, li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017 - fejn 79% huma favur din l-iskema.  Kien il-Gvern preżenti li introduċa din l-iskema mmexxija minn Henley & Partners - ukoll f'nofs diversi kontroversji u suġġett ta' blogg minn Daphne Caruana Galizia dwar kif suppost dawn kellhom jiftħu proċeduri kontrieha wara allegati emails li għaddew bejn Henley u Keith Schembri. 

Huma biss 8.8% ta' dawk li vvutaw lill-PL fl-2017 li ma jemmnux li dan il-programm huwa xi ħaġa tajba, filwaqt li 12.3% ma kinux jafu hux tajba jew le. 

L-irġiel kienu aktar pożittivi dwar dan il-programm b'65.8% jgħidu li huwa xi ħaġa pożittiva u 20% biss iħossu li mhux, filwaqt li l-aktar żona ta' Malta li tat risposta fil-pożittiv - kienet in-nofsinhar.  Hawnhekk 74% qalu illi dan il-programm ta' ċittadinanza huwa pożittiv, 19.3% qalu li huwa negattiv u 11.4% ma jafux.  Din iż-żona tinkludi lill-Birżebbuġa, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħal Kirkop, Wied il-Għajn, iż-Żurrieq u ż-Żejtun - ilkoll lokalitajiet b'maġġoranzi kbar Laburisti. 

F'termini ta' età, l-aktar favur huma l-ewwel grupp tal-mezza età; bejn is-36 u l-45 sena b'69.3%.  Hawnhekk huma biss 19.3% li huma kontra filwaqt li 11.4% ma jafux. 

Bejn aktar flus u wisq barranin f'pajjizna

Intant jekk inħarsu lejn ir-raġunijiet għalfejn jaqblu jew ma jaqblux in-nies ma' dan il-programm, insibu żewġ raġunijiet prinċipali:  Dawk li jaqblu jsemmu l-flus u dawk li ma jaqblux isemmu lill-barranin.

 Fil-fatt 50% ta' dawk li jaqblu mal-IIP jgħidu illi dan iġib aktar flus lejn pajjiżna, filwaqt li 34% oħra jħossu li dan jgħin l-ekonomija - u allura 84% ta' dawk li jaqblu mal-IIP isemmu raġunijiet relatati mal-flus u l-ekonomija. 

Minn naħa l-oħra, 34% jużaw raġunijiet demografiċi u jgħidu li diġa' hawn wisq barranin u allura ma jaqblux mal-IIP.  Marġinalment inqas u allura 33.3% ta' dawk li huma kontra jgħidu li ma jaqblux għaliex iċ-ċittadinanza mhix għall-bejgħ, li fil-fatt kien l-argument prinċipali (imma mhux uniku) tal-PN.  Similarment 6.4% qalu li din l-iskema bħal donnha bejgħ ta' pajjiżna. 

Raġuni oħra li ġabu dawk li ma jaqblux mal-IIP kienet li 'tiftaħ il-bibien għall-abbuż' (15.6%).

Minn naħa l-oħra raġuni oħra li ġabu dawk li jaqblu kienet li 'f'mumenti bħal dawn (kriżi tal-Covid-19) programm bħal dan kien fundamentali' (4.8%). 

Mill-kważi 16% li qalu illi ma jafux jaqblux jew le, 47.6% qalu li ma jafux għalfejn m'għandhomx opinjoni filwaqt li 39.3% qalu li għax forsi jkun hemm xi abbużi.

(It-tieni parti tas-sondaġġ tinsab fuq il-gazzetta ILLUM U titratta il-fiduċja li għandhomi n-nies f'Alex Muscat, x'jixtiequ li jitbiddel fl-iskema l-parteċipanti u fejn jixtiequ li jintefqu l-flus)

Metadoloġija: Dan is-sondaġġ xjentifiku sar matul Mejju li għadda bit-telefon.  B'kollox ġew intervistati 600 persuna u l-livell ta' kunfidenza ta' dan is-sondaġġ huwa 95%. Il-marġini ta' żball huwa +/- 4% u dawk magħżulin biex jipparteċipaw ġew startifikati skont l-età, ġeneru u d-distretti ta' Malta. 

 

More in Politika