'Politiku li għandu allegazzjonijiet li jqajmu dubji kbar għandu jwarrab' - David Thake

David Thake jitla jixhed fl-Inkesta Maġisterjali dwar l-allegazzjonijiet li Yorgen Fenech għadda flus lil Adrian Delia, biex tkun influwenzata l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

David Thake illum tela' jixhed fl-Inkjeta maġisterjali li qed tinvestiga l-allegazzjonijiet li għaddew eluf fi flus minn Yorgen Fenech għal għand Adrian Delia, biex jiġi influwenzat il-proċess elettorali tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019. 

F'kummenti lill-midja Thake sostna illi l-informazzjoni li għandu hu hija differenti minn dik li ħarġet il-midja tal-Partit Laburista u mix-xhieda ġuramentata ta' Keith Schembri.  Qal li hu qatt ma qal li l-flus fil-fatt għaddew, li ħadhom il-Kap tal-PN Delia u li Pierre Portelli kien qed jiġbrohom mill-Portomaso. 

Mistoqsi jekk iħossx li Delia għadu jirriżenja, issa li qed ikun investigat mill-Pulizija u jinsab taħt Inkjesta Maġisterjali Thake saħaq li mhux se jkun hu li jgħid lil Delia x'għandu jagħmel - għalkemm fakkar li jekk ġrat din, ikun att kriminali.  Thake saħaq li hu jemmen li l-politika tkun nadifa u tidher ċar li hija nadifa. 

"Jiena mhux se ngħaddi ġudizzju.  Nisħaq biss fuq il-prinċipju li kwalunkwe persuna li mhuwiex nadif tazza għandu jwarrab biex ismu jkun imnaddaf."

Thake qal li l-PN mhuwiex persuna waħda jew tnejn u sejjaħ il-passat ta' dan il-partit bħala wieħed "glorjuż". 

Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti preżenti Thake ifakkar li hemm numru ta' Ministri li qeghdin taht investigazzjoni kriminali u allura huma wkoll jeħtieġ iwarrbu.  Thake ifakkar illi l-Ministru Edward Scicluna jinsab taħt investigazzjoni kiminali fuq il-kuntratt mal-VGH.

Thake itemm ifakkar li kwalunkwe persuna li jinsab f'kariga għandu jipproteġi dik il-kariga, "għax il-kariga hija ikbar mill-persuna.  "Il-politika mhijiex post għall-politiċi li għandhom dellijiet u allegazzjonijiet fuqhom li jsiru b'persistenza u li jqajmu dubji kbar.  Politiku taħt allegazzjonijiet li jsiru b'persistenza u li jqajmu dubji kbar għandu jwarrab sakemm inaddaf ismu."

More in Politika