Ikompli javvanza x-xogħol fuq il-proġett tal-mini ta' Santa Luċija

Il-Ministru Ian Borg jgħid illi l-ħolma infrastrutturali tal-Gvern hija li jkollna netwerk tat-toroq ippjanat bħala katina ta’ rotot u mhux toroq u junctions iżolati minn xulxin

Il-Ministru Ian Birg flimkien mas-Segretarju Parlamentari Steafn Zrinzo Azzopardi
Il-Ministru Ian Birg flimkien mas-Segretarju Parlamentari Steafn Zrinzo Azzopardi

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru s-sit tal-mini ta’ Santa Luċija hekk kif il-ħaddiema ħaffru l-aħħar biċċa blat li tissepara Triq tal-Barrani minn Vjal Santa Luċija. Dan ifisser li minkejja l-limitazzjonijiet tal-aħħar xhur, il-proġett wasal fi stadju ta’ progress ta’ aktar minn 60%.

Il-Ministru Ian Borg qal li 'il-ħolma infrastrutturali tagħna hija li jkollna netwerk tat-toroq ippjanat bħala katina ta’ rotot u mhux toroq u junctions iżolati minn xulxin. Dik il-ħolma dawwarnieha fi pjan u llum qed issir realtà. Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija huwa investiment li jkompli jibni fuq l-interventi li wettaqna f’dawn l-aħħar tliet snin, li jibdew minn Pembroke u se jispiċċaw f’Birżebbuġa. Hawnhekk għandna eżempju ieħor ta’ proġett ħolistiku li jħares lejn l-investiment infrastrutturali mill-aspetti ta’ konġestjoni, sigurtà u faċilitajiet għal trasport sostenibbli. Se nibqgħu impenjati li ninvestu f’infrastruttura tal-ogħla kwalità.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-importanza u l-vantaġġi li ser iġġib magħha l-underpass ta’ Santa Luċija, li tagħmel parti mill-proġetti infrastrutturali TEN-T. Is-Segretarju Parlamentari sostna li dan huwa proġett infrastrutturali ko-finanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, b’investiment ta’ madwar 18-il miljun ewro. Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett qed ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura Maltija sabiex jitnaqqas il-ħin tal-vjaġġ u dan ukoll iwassal għal nuqqas ta’ emissjonijiet u ta’ tniġġis ambjentali, li finalment ser ikun qiegħed “itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies”.

L-underpass se tkun twila 90 metru filwaqt li nbnew approach lanes ta’ 130 metru ‘l waħda u 4 slip roads li jwasslu għar-roundabout li issa għandha disinn aktar sgur. Il-proġett jinkludi wkoll xogħol fuq servizzi ta’ dawl, ilma, telekomunikazzjoni, internet u sistemi ta’ traffic management kif ukoll ġibjuni ġodda u pajpijiet għall-ilma tax-xita biex jintuża għall­-partijiet imħaddra tal-madwar. 

Dan il-proġett jinkludi wkoll numru ta’ faċilitajiet għal mezzi tat-trasport alternattivi, fosthom disinn ġdid ta’ jogging track fil-viċin u titjib ta’ underpass pedonali f’Tal-Barrani biex issir aċċessibbli għaċ-ċiklisti u għal persuni b’diżabilità. Se jkun hemm ukoll korsija pedonali u għaċ-ċiklisti ta’ kważi 1km li tifforma parti minn rotta sigura għaċ-ċiklisti li tgħaqqad lil Ħal Luqa, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa u Ħal Qormi.

 

Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija huwa parzjalment finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

Ritratt tax-xogħolijiiet li għaddejjin fuq l-Underpass
Ritratt tax-xogħolijiiet li għaddejjin fuq l-Underpass

More in Politika