Filmat | 'Nixtieq li naħdmu lkoll flimkien' - Dun Anton Theuma huwa d-disa' Isqof ta' Għawdex

It-tħabbira tal-Isqof il-ġdid se ssir fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta' Pinu

Dun Anton Theuma se jkun id-disa' Isqof tad-Djoċesi Għawdxija. Dan tħabbar fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta' Pinu min-Nunzju Appostoliku għal Malta Mons. Alessando D'Errico li tkellem dwar il-kwalitajiet li waslu biex il-Papa Franġisku għażel lil Dun Anton bħala Isqof għad-Djoċesi Għawdxija.

L-Isqof magħżul, saċerdot mix-Xagħra, huwa magħruf ħafna għall-pastorali, speċjalment fost l-għarajjes u l-famlji.

Dun Anton Theuma se jkun qed jieħu post l-Isqof Mario Grech li l-Papa Franġisku għażlu biex minn Awwissu li ġej jieħu post il-Kardinal Lorenzo Baldisseri bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

L-Isqof Grech emozzjonat, waqt funzjoni qasira u sempliċi, libbes lill-Isqof magħżul is-salib pettorali u anke l-karlotta, tnejn mill-insinji tal-Episkot. Fakkar kif dan il-ġest kien għamlu miegħu l-Isqof Nikol Cauchi, 15-il sena ilu.

F'diskors qasir, l-Isqof Grech appella lid-djoċesi Għawdxija biex tħobb lill-Isqof il-ġdid li ddeskrivih bħala "missier." Fil-fatt, preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni, kien hemm miġbur il-kleru Għawdxi.

'Il-komunjoni mal-Isqof hija waħda mill-arterji tad-djoċesi," insista Monsinjur Grech waqt li saħaq li jekk tispiċċa din il-komunjoni, id-djoċesi tkun trid li "jkollha Isqof li ma jkunx isqof."

Min-naħa tiegħu, l-Isqof magħżul Anton Theuma, f'diskors qasir, appella lid-djoċesi kollha Għawdxija, kleru u lajċi, biex jaħdmu lkoll flimkien filwaqt li rringrazzja lill-Isqof Grech għall-ħbiberija u l-ħidma tiegħu.

Bħalissa, l-Isqof magħżul huwa d-Direttur tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, responsabbli mill-kura pastorali taż-żona madwar l-Istitut, kif ukoll għalliem fis-Seminarju Maġġuri. Huwa għamel madwar 10 snin jaħdem f'parroċċa f'Ruma.

Dun Anton jorganizza l-korsijiet tal-għarajjes u anke jaħdem fil-qrib ma' familji f’diffikultà.

Sakemm issir l-ordinazzjoni u l-ingress tal-Isqof il-ġdid, l-Isqof Mario Grech se jibqa' jservi bħala Amministratur Appostoliku. In-Nunzju irringrazzja lil Mons. Grech għall-ħidma li wettaq bħala Isqof ta' Għawdex u ddeskrivih bħala persuna intelliġenti li dejjem ġab l-ewwel u qabel kollox l-interess pastorali tad-djoċesi.

More in Politika