Theuma jgħid li bil-kuntatti li Yorgen kellu ma' Keith Schembri kkonvinċa ruħu li Schembri kien involut

Theuma jerġa jgħid li eks membru tas-sigurtà f'Kastilja kien wiegħdu li nhar it-28 tax-xahar l-aħwa Degiorgo kienu se jingħataw bail

Hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-aħwa Degiorgio - akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - Melvin Theuma jerġa jixhed u jgħid illi hu kien iltaqa' ma' Keith Schembri darbtejn u qatt ma ddiskuta l-qtil.  Imma jgħid ukoll li "bil-kuntatt li Yorgen kellu ma' Schembri bdejt nikkonvinċi ruħi li kien involut.  Kont ċert li riedu jeħilsu minni," qal Theuma fil-Qorti. 

Huwa jkompli jispjega kif darba Fenech kien ċempillu u kien mar fil-farmhouse tiegħu Ħaż-Żebbuġ.  Dakinhar Fenech kien qallu li Vince Muscat il-Koħħu kien qed jikxef l-affarijiet ... "dak il-lejl stess irċevejt telefonata minn Johann Cremona u qalli li ġej ikellimni. Ġew Cremona u Kenneth Camilleri, b'dan tal-aħħar iwiegħdni illi nhar it-28 tax-xahar l-aħwa Degiorgio kienu se jingħataw bail." 

Kenneth Camilleri huwa eks membru tas-sigurtà tal-eks PM Joseph Muscat, filwaqt li Cremona kien sieħeb tan-negozju ma' Yorgen Fenech. 

Huwa xehed kif kien qal lil Mario Degiorgio, ħu l-akkużati, illi nhar it-22 tax-xahar kienu se jingħataw bail u jingħataw ukoll miljun ewro.  Darba minnhom Mario Degiorgio għamel għalih għax xejn minn dan ma ġara.  Theuma qal li tah raġun u qallu li gidbulu u li hu ried illi jingħataw il-bail. 

Intant Theuma ddeskriva kif kien qed jgħix f'terrur u li darba ra lil xi ħadd jilgħab mal-karozza tiegħu u kien qal lil Fenech dwarha.  Jixhed kif Yorgen Fenech kien jikkalmah u jagħtih il-flus biex imur fuq vaganza. 

Dwar dan il-punt Theuma qal illi Fenech seta' jgħin u fir-rekording jinstema' jistaqsi -rettorikament - 'mhux Keith bagħtu lil Kenneth?'

 

More in Politika