Rondi bejn The Strand u Paceville l-lejl li għadda ... il-maġġoranza tal-istabbilimenti konformi mal-liġi

Philip Fenech, mill-GRTU, jgħid mal-illum.com.mt li minn rondi li saru mill-MTA l-lejl li għadda rriżulta li l-maġġoranza qed isegwu l-linji gwida, filwaqt li kien hemm ftit li kellhom "nuqqasijiet maġġuri"

Fl-aħħar siegħat saru diversi rondi u rriżulta li l-maġġoranza tal-istabbilimenti bħal bars u ristoranti mill-Istrand f'Tas Sliema sa Paceville qed josservaw il-liġi u l-linji gwida imposti minħabba l-Covid-19.  Minkejja dan l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu (MTA) kellha twissi numru ta' stabbilimenti oħrajn biex jiġu konformi mar-regoli, kif mħabbra mill-Gvern. 

Żvela dan mal-ILLUM Philip Fenech li jmexxi it-Taqsima tat-Turiżmu u Divertiment tal-GRTU u li kien preżenti wkoll fir-rondi li saru matul il-lejl li għadda.  Filwaqt li Fenech jiddeskrivi l-lejl ta' bejn il-Ġimgħa u s-Sibt bħala wieħed 'pożittiv' f'termini ta' negozju, jgħid illi l-awtoritajiet qegħdin xorta jaħdmu biex jaraw illi kulħadd qed isegwu l-liġi. 

"Fiż-żona fejn saru dawn ir-rondi, illi jiena attendejt għalihom flimkien ma' David Mifsud mill-MTA, irriżulta li l-maġġoranza tal-istabbilimenti kienu qed isegwu r-regoli.  Kien hemm oħrajn li kellhom xi ftit ta' nuqqasijiet, pero imbagħad kien hemm min kellu nuqqasijiet maġġuri," jgħid Fenech mal-illum.com.mt.

"Kellna każ fejn l-MTA talbet li jagħlaq il-bibien tiegħu sakemm ikun konformi mal-liġi, filwaqt li kellna każ ieħor li kien qiegħed imur oltrè minn dak mistenni u sa għamel perspex - xi ħaġa mhux neċessarja f'bars."

Fenech jgħid illi fil-każ ta' ksur jew nuqqas ta' osservanza r-rappreżentant tal-MTA offra gwida u spjega aħjar il-kundizzjonijiet.  Fenech qal ukoll li f'ċerti każi lanqas kien hemm għarfien ċar ta' sid x'għandu u x'ma għandux jagħmel eżatt. 

Għada fil-gazzetta ta' kull nhar ta' Ħadd ILLUM nirrapportaw aktar dwar in-negozji, it-turiżmu u d-Divertiment ma' Philip Fenech u diversi stakeholders oħrajn.

Philip Fenech
Philip Fenech

More in Politika