Il-Ministru Abela jispjega kif il-Gvern implimenta 76% tal-miżuri mwiegħda fil-programm elettorali

Abela saħaq li għaddej ġmielu x-xogħol fuq 242 proposta oħra

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, saħaq li fl-ewwel tliet snin ta’ din il-leġislatrua, il-Gvern wettaq 76% tal-miżuri mwiegħda fil-programm elettorali tiegħu.

Il-Ministru Abela spjega kif il-programm tal-manifest elettorali jikkonsisti f’722 proposta. Ħabbar kif 312-il proposta ġew implimentati fl-intier tagħhom. Insista li x-xogħol fuq 242 proposta oħra qiegħed fi stadju avvanzat.  

Il-Ministru Abela fakkar li minn Jannar 2020, bħala Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru  huwa ġie fdat bl-iskrutinju tax-xogħol kollu li għandu x’jaqsam mal-Manifest Elettorali; ħidma li tinvolvi moniteraġġ mill-qrib tal-mijiet ta’ proposti li kienu saru fil-programm elettorali qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. 

Spjega kif dan jirrikjedi kuntatt u komunikazzjoni ma jaqtgħu xejn mal-Ministeri kollha sabiex jiġu evalwati l-istadji li jkun wasal fihom it-twettiq tal-miżuri. Iżda mhux biss. Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru jidħol ukoll biex jara x’diffikultajiet jista’ jkollhom il-Ministeri l-oħrajn fuq it-twettiq tal-proposti elettorali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

Qal li fl-aħħar erba’ xhur kien hemm titjib ta’ mill-inqas 8% fir-rata tal-implimentazzjoni tal-manifest elettorali. 

“Ix-xhieda ta’ kemm dan il-Gvern kompla jwettaq ma tinsabx biss fuq il-karta; narawha b’għajnejna u mmissuha bi jdejna wkoll – f’kull qasam”, sostna l-Ministru Abela. 

Huwa semma wħud mill-proposti mwettqa fosthom iż-żieda fil-pensjoni, l-inċentivi għal min jixtri l-ewwel dar tiegħu u anki lil min jixtri t-tieni dar u leġislazzjoni tal-kera biex ikun hemm relazzjoni ekwa u regolamentata fil-kirjiet. 

Fakkar ukoll li għaddej ġmielu x-xogħol fuq mill-inqas 1,700 appartament (‘il fuq min 600 mitt flett iktar min dak ippjanat). Fl-istess ħin, qed isiru xogħlijiet ta’ tisbiħ u installazjoni ta’ liftijiet f’għadd ta’ oqsma tad-djar.

Tkellem ukoll li għaddej ix-xogħol ġmielu fuq it-titjib fl-infastruttura pubblika Maltija, b’investiment qawwi ta’ 700 miljun ewro sabiex jinbnew u jiġu arranġati t-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex f’temp ta’ 7 snin. 

Fil-qasam tas-saħħa, Abela qal li saret ħidma estensiva fejn tjieb is-servizzi tal-kura tal-qalb, tal-iskrinjar għall-kanċer tas-sider u tal-prostata, żieda fil-mediċini b’xejn, l-estensjoni tas-servizz tal-kura primarja f’Ħal Kirkop u, dalwaqt, f’Raħal Ġdid, u tisħiħ fis-servizz mogħti lil dawk li għaddejjin mill-proċedura tal-IVF. 

Il-Ministru responsabbli innota wkoll kisbiet oħra fosthom id-dħul tal-liġi taż-żwieġ indaqs, il-VOT16 u d-diskussjoni dwar il-kremazzjoni li llum daħlet ukoll b’liġi.  “Dawn huma tibdiliet li jixhdu l-ideali progressivi ta’ dan il-Gvern, li min dejjem kien magħruf għal kemm jixpruna ideat ġodda”, sostna l-Ministru Abela. 

More in Politika