L-eks Ministru u Kummissarju Ewropew Karmenu Vella jinħatar Pro-Kanċillier tal-Università

Il-Ministru Bonnici rringrazzja wkoll lill-Pro-Kanċillier uxxenti, l-Avukat Michael Sciriha, li serva għal seba’ snin f’din il-kariga

L-eks Kummissarju Ewropew, il-Perit Karmenu Vella, inħatar Pro-Kanċillier tal-Università ta’ Malta għal perjodu ta’ tliet snin.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici fejn sostna li l-profil għoli tal-eks Kummissarju Vella se jgħin biex l-Università ta’ Malta tkompli timxi ’l quddiem u ssaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.

Qal li l-Perit Vella se jġib miegħu snin ta’ esperjenza fl-iktar strutturi importanti kemm f’Malta kif ukoll fuq livell Ewropew li żgur li se jkunu ta’ ġid għall-Università.

Il-Perit Karmenu Vella serva għal ħames snin bħala Kummissarju tal-Unjoni Ewropea, inkarigat mill-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi. Qabel dan l-inkarigu, hu serva bħala Ministru f’diversi Kabinetti mmexxija minn erba’ prim ministri differenti u serva bħala membru tal-Kamra tad-Deputati bejn l-1976 u l-2014.

Is-Sur Vella kiseb il-kwalifiki bħala Perit mill-Università ta’ Malta u speċjalizza b’Masters fix-Xjenza (Maniġġjar tat-Turiżmu) mill-Università ta’ Sheffield.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja wkoll lill-Pro-Kanċillier uxxenti, l-Avukat Michael Sciriha, li serva għal seba’ snin f’din il-kariga.

More in Politika