San Pawl il-Baħar, Tas Sliema, Wied il-Għajn u s-Swieqi b'tkabbir ta' aktar minn 30% fil-popolazzjoni

Minn naħa l-oħra l-popolazzjoni fil-Belt Valletta u l-Kottonera tirreġistra tnaqqis kull sena mill-2012 sal-2018

San Pawl i,l-Baħar, fost il-lokalitajiet li qed jespandu bil-qawwi
San Pawl i,l-Baħar, fost il-lokalitajiet li qed jespandu bil-qawwi

San Pawl il-Baħar - li jinkludi il-Qawra, Buġibba, Burmarrad, Wardija u x-Xemxija - flimkien mal-Imsida, San Ġiljan, il-Gżira, Tas-Sliema , is-Swieqi - li jinkludi tal-Ibraġġ u l-Madliena - kif ukoll Marsaskala raw l-akbar żidiet fil-popolazzjoni bejn l-2012 u l-2018. Fil-fatt hawnhekk iż-żieda kienet ta' aktar minn 30%. 

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, minn naħa l-oħra juru illi l-popolazzjoni fil-fatt naqset, f'Bormla, l-Isla u anke Santa Luċija li minkejja li ftit li xejn kibret bħala lokalità hija waħda ħafna iktar ġdida kkumparata ma' lokalitajiet fil-Kottonera. 

Minn naħa l-oħra is-Swieqi kienet l-aktar lokalità li rat żieda fil-popolazzjoni ta' residenti Maltin b'żieda ta' aktar minn 15%.  Iżda xejn inqas minn 21 lokalità rreġistraw tnaqqis fil-popolazzjoni ta' residenti Maltin.   Flimkien mas-Swieqi, fost il-lokalitajiet fejn kien hemm żieda qawwija tal-popolazzjoni Maltija, hemm Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Gżira, segwiti - għalkemm b'inqas - minn San Pawl il-Baħar.  Il-lokalitajiet l-oħrajn madwar il-Port il-Kbir, raw tnaqqis, fosthom il-Belt Valletta, Bormla, Birgu u l-Isla. 

Jekk imbagħad naraw il-popolazzjoni ta' barranin fil-lokalitajiet tagħna nistgħu ninnutaw illi San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u mill-ġdid - Tas-Sliema u San Ġiljan huma l-aktar lokalitajiet b'popolazzjoni barranija, fil-fatt b'aktar minn 25%.  Anke Birżebbuġa għandha dan il-persentaġġ għalkemm dan jista' jirrifletti l-popolazzjoni fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far li jaqa' fil-konfini ta' dan ir-raħal.

Matul l-2018 it-total ta' tfal imweldin f'Malta żdied b'2.7% meta mqabbel mal-2017 biż-żona tat-Tramuntana tal-Port tirresġistra 1,187 twelid u d-distrett tat-Tramuntana tal-pajjiż jirreġistra 888 twelid.  Fl-istess sena mietu 3,388 persuna b'32% minn dawn ikunu mit-Tramuntana tal-Port. 

Għal kull sena d-distrett tan-nofsinhar tal-Port li jinkludi lill-Kottonera - baqa' jara tnaqqis fil-popolazzzjoni. 

More in Politika