Il-Gvern taħt pressjoni kbira dwar l-ajruport hekk kif lobbies differenti jgħafsu kontra xulxin

Il-unjins ma jeskludu xejn waqt li l-pressjoni mill-lobby tat-turiżmu tiżdied...min jwissi bil-qgħad u fallimenti u min bis-saħħa tan-nies

l-Gvern qed jiffaċċja pressjoni kbira ħafna fuq deċiżjoni pjuttost kruċjali  - jiġifieri dik dwar l-ajruport. Il-pressjoni hija waħda kbira, kemm mill-qasam u l-awtoritajiet tas-saħħa f'pajjiżna  - bl-MUMN u l-MAM ma jeskludu xejn mal-ILLUM jekk il-Gvern jiftaħ l-ajruport għas-sajf - u anke mill-istakeholders il-kbar fl-industrija turistika, li qegħdin jagħmluha ċara illi jekk mhux se jitħallew jibdew joperaw b'ajruport miftuħ dan is-sajf, ħafna se jgħalqu l-operat tagħhom jew bosta se jkollhom jiddikjaraw falliment u jkeċċu mijiet ta' nies mill-post tax-xogħol.  Pero pressjoni kbira qed tiġi wkoll minn barra; primarjament l-linji tal-ajru, u l-Unjoni Ewropea wkoll.

'Jekk jiftaħ ... imbagħad nitkellmu'

Mal-gazzetta ILLUM il-President tal-MUMN  Paul Pace filwaqt li reġa' sostna li l-unjin hija kontra t-turiżmu dan is-sajf mistoqsi minn din il-gazzetta x'se tagħmel il-unjin jekk kemm il-darba il-Gvern jiftaħ l-ajruport għal xi destinazzjonijiet fil-bidu tas-sajf, huwa qal:  "Niddeċidu dakinhar."

Paul Pace MUMN
Paul Pace MUMN

"Il-Gvern mhu qed jgħidilna xejn pero meta nitkellmu fuq l-ajruport, mhux jiċħad," jgħid Pace li jistaqsi li aktar milli jekk jiftaħ l-ajruport il-Gvern irid jibda jispjega kif se jagħmel dan.

'Nippruvaw nipperswadu, jekk ma naslux nagħmlu ta' rasna'

Minn naħa tiegħu mal-ILLUM Martin Balzan mill-MAM , il-unjin tat-tobba, qal li jekk il-każi "jiżdiedu aħna rridu naraw kif se nipproteġu lill-membri tagħna ... l-ewwel nipprovaw nikkonvinċu u nipperswadu, imma imbagħad jekk ma naslux, hemm nagħmlu ta' rasna," saħaq Balzan.

 Huwa fakkar illi l-MAM - minkejja li l-Gvern qed jgħid li l-ftuħ tal-ajruport mhux se jiġri issa - saħansitra wissiet biex ir-ristoranti ma jiftħux għalissa u lanqas jiġu aċċettati gruppi ta' sitta flimkien.

Intant Pace staqsa x'se jiġri jekk jaslu t-turisti u jekk fil-fatt dawn hux se jwasslu biex anke t-turiżmu l-intern ibati għax ħafna jiddeċiedu li jerġgħu jibqgħu d-dar. "X'se jagħmel bil-vulnerabbli l-Gvern?  Se jħalli lin-nies vulnerabbli ġewwa biex ikun jista' jiġi t-turist? Lanqas dawn ma jistgħu jibqgħu msakkrin sas-sena d-dieħla!"

Martin balzan, MAM
Martin balzan, MAM

Mistoqsi dwar il-fatt li kompetituri bħal Ċipru qed jiftħu Pace qal:  "Jiena x'jimpurtani minn Ċipru?  Ħafna pajjiżi oħrajn ma fetħux.  Issa naraw l-effetti li se jkollha Ċipru," sostna waqt li staqsa jekk il-Gvern Malti għandux pjan ta' kemm ġejjin turisti. "Il-but iċċarrat, mhux tal-Maltin biss.  Il-biża' kullimkien. Is-saħħa tal-infiq fl-UE naqas. Jiġifieri jekk jiġu 20,000 turist li huma biżżejjed biex imarduna - se jagħmlu differenza għall-ekonomija? Jiġifieri lukanda kbira - ta' 700 kamra se tiftaħ għal 20 turist? Sar kalkolu?"

"Jekk jiġu 50,000 turist minn 2.6 miljun li jiġu s-soltu se tagħmel differenza sostanzjali?" staqsa Pace.

Twissijiet ta' fallimenti u qgħad

Minn naħa l-oħra l-pressjoni  - speċjalment minn stakeholders kbar fl-industrija turistika - qiegħda tikber u tagħfas fuq il-Gvern bi twissijiet ta' fallimenti u qgħad, ftit li huma pubbliċi u oħrajn li qed isiru mal-Gvern fil-magħluq.

Dawn qed jgħidu li jekk dan is-Sajf l-ajruport se jibqa' kompletament magħluq il-Gvern se jkollu jiffaċċja l-falliment ta' ħafna negozji, kemm kbar u anke żgħar kif ukoll problema kbira ta' qgħad.

Din il-pressjoni ekonomika qiegħda tiżdied minħabba ukoll minħabba żewġ raġunijiet mhux lokali.  L-ewwelnett il-lobby tal-linji tal-ajru - ifakkar sors mill-qasam li tkellem mal-ILLUM - huwa b'saħħtu ħafna.  Il-pressjoni li jitfgħu l-linji tal-ajru jwasslu biex Gvernijiet ikollhom jikkunsidraw x'se jagħmlu.

Per eżempju linja tal-ajru bħal Ryanair, huwa fl-interess tagħha li tagħmel pressjoni biex rottot u destinazzjoni profittabbli għaliha bħal Malta, fejn espendiet bil-qawwi, jiftħu.   U bħal din il-linja tal-ajru, oħrajn.

Tony Zahra MHRA
Tony Zahra MHRA

Tant hu hekk li l-Ministru Julia Farrugia Portelli f'intervista ma' din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda qalet li Ryanair u Lufthansa diġa' qed ibiegħu titjiriet lejn Malta għal Lulju.

It-tieni hija l-Unjoni Ewropea u l-fatt illi Malta minn din il-ġimgħa - għalkemm mingħajr ma ssemmiet wisq fil-midja - iffirmat dikjarazzjoni ma' 10 pajjiżi oħrajn illi fiha qablu fuq it-triq 'il quddiem għar-restawr tal-moviment ħieles tan-nies fl-UE.

 Ħaddiema minn dan is-settur li tkellmu ma' din il-gazzetta esprimew il-frustrazzjoni tagħhom illi l-Gvern għadu lanqas imqar ikkomunika l-intenzjoni tiegħu maż ċerti istakeholders, kuntrarjament għal ħafna pajjiżi oħrajn fen qed isir pjan ta' x'se jiftaħ u x'mhux se jiftaħ sas-sajf li ġej u wara.

More in Politika