'Jekk nibqgħu magħluqin sakemm insibu l-vaċċin ikun il-bidu tat-tmiem tagħna'

It-turiżmu jinsab f'qagħda mwiegħra hekk kif issa għaddew kważi xaharejn u nofs minn meta għalaq l-ajruport u t-turiżmu waqaf.  Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Ministru għat-Turiżmu li tgħid ċar illi pajjiżna ma jiflaħx jistenna sakemm insibu vaċċin....

Il-Minustru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli
Il-Minustru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli

Hija kważi klixè dik li konna ngħidu u li fl-aħħar snin, forsi bil-qawmien u bis-saħħa tal-vuċi tal-lobby tal-kostruzzjoni, insejna li fil-fatt - mit-turiżmu jiekol kulħadd.  Mhux biss dawk l-eluf li jaħdmu fis-settur dirattement - primarjament fil-lukandi, ajruporti u linji tal-ajru imma wkoll eluf ħafna ikbar li jibbenefikaw mit-turiżmu indirettament - tat-taxis, ħwienet f'żoni turistiċi, bars, ristoranti, ħwienet tas-souvenirs, kuċċiera, kafeteriji, dawk kollha li jfornu l-ikel lill-lukandi u ristoranti ... u ħafna aktar.

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' mal-Ministru Julia Farrugia Portelli, l-ewwel intervista magħha bħala Ministru.  Nibdew billi niġbdulha xi ftit saqajha; kif qed tħossha li tliet xhur u nofs biss minn meta saret Minisrtru kellha tiffaċċja l-agħar kriżi li qatt iffaċċjat din l-akbar industrija ta' pajjiżna?

"Ma nħossnix sfortunata, jiena persuna li jekk tpoġġini ġo kaxxa irrid nara kif se noħroġ minnha u sfida dejjem neħodha.  Anke meta kont fil-ġurnaliżmu, hekk kont nimxi," tgħid l-eks Ministru li fil-fatt hija eks Editur ta' din l-istess gazzetta.  Tammetti illi kważi kull min kien fiż-żarbun tagħha kellu t-tajjeb u figuri pożittivi ġejjin lejh - kemm Ministri Laburisti u anke Nazzjonalisti.  Fil-fatt kien hemm tnaqqis fit-turiżmu fil-passat, minħabba fatturi naturali jew il-kriżi finanzjajra, imma qatt ma kien hemm waqfien totali ta' kollox - xi ħaġa li tagħmel dak ta' bħalissa uniku.

F'dan is-silenzju rridu nagħmlu analiżi. Konna ilna 15-il sena ngħidu li jrid ikollna viżjoni Julia Farrugia Portelli

Bidliet fil-liġi kontra l-abbuż

 "F'dan is-silenzju rridu nagħmlu analiżi.  Konna ilna 15-il sena ngħidu li jrid ikollna viżjoni.  Issa jiena fi ftit żmien ieħor se nkun qed immur il-Parlament u hemmhekk nħabbar bidliet fil-liġi li jippermettu illi nibdew naqtgħu bis-serjetà l-abbużi."

Hija indikat li hawn qed titkellem fuq postijiet sub standard jew inkella nies li m'għadhomx liċenzji biex joperaw.  "Irid ikollna level playing field għal kulħadd."

L-ILLUM twaqqaf lill-Ministru hemmhekk u tfakkarha illi filwaqt li dan huwa kollu tajjeb, pajjiżi kompetituri diġa' bdew joffru inizjattivi biex iħajru lin-nies imorru vaganza f'dan il-pajjiż: Sqallija u l-Greċja huma tnejn minnhom.  Malta x'qed tagħmel eżattament?

'Qed nipproponu li jkollna sajf u vaganzi'

 "Id-Deputat Kummissarju Ewropew qalet illi se jkun hemm Sajf u se jkun hemm vaganzi tas-Sajf.  U din għidniha aħna, fil-fatt bħala Gvern fil-laqgħa tal-Ministri tat-Turiżmu Ewropej aħna konna fost l-ewwel li għidna dan.  Qbilna wkoll li ma nistgħux nistennew il-vaċċin biex niftħu l-ajruport."

Allura l-Ministru Farrugia Portelli ma taqbilx ma' Alex Agius Saliba, li kritika lil Roberta Metsola, li qalet illi hemm bżonn ikollna Sajf, hux hekk?

Filwaqt illi tevita li tidħol f'dak li qal l-MEP Laburista, Farrugia Portelli sostniet li l-Unjoni Ewropea għamlet ftit li xejn fuq il-Covid-19 u li hi mhux se tistenna lill-istituzzjonijiet Ewropej biex tiddeċiedi x'għandu jsir.  "Jiena qatt mhu se nasal nikkomprometti s-saħħa tan-nies," tisħaq Farrugia Portelli li tkompli tgħid iżda  li "jiena ġimagħtejn ilu pproponejt li jrid ikun hawn sajf u li jrid ikun hawn mezzi siguri bejn pajjiż u ieħor. Naturalment m'aħniex qed nipporponu li niftħu r-rotot ma' pajjiżi li qabdux art mal-Covid-19 u lanqas li niftħu l-ajruport għada.  Pero qed naħdmu ma' xi pajjiżi biex naraw kif nistgħu niftħu rotot u modi assolutament siguri ta' vjaġġar."

Imma x'inhuma dawn is-safe corridors li qed issemmi l-Ministru? X'se jfissru? Kwarantina għat-turisti?

Hija ċċarat li qed tirreferi għal ftuħ ta' aċċessi ma' pajjiżna li bħalna qed ikollhom riżultati eċċellenti.  Għalkemm ma elaboratx dwar id-dettalji.

"Jiena qed niltaqa' ma' familji fejn iż-żewġ partijiet jaħdmu fit-turiżmu," qalet il-Ministru biex turi kemm fil-fatt hawn nies li minn naħa qed ibatu pero minn naħa l-oħra wkoll qegħdin jibbenefikaw mill-paga minima li qed iħallas il-Gvern.

Bħalissa qed jiġu diskussi diversi miżuri. Fosthom jekk persuna tkunx f'saħħitha li ssiefer. Qed niddiskutu l-użu tal-għodda bijometriċi, per eżempju, qed niddiksutu wkoll kif se nbiddlu t-tip ta' luggage handling fl-ajruport... Julia Farrugia Portelli

'Għalissa qed nipproponu li nibdew niċċaqlaqu ...

L-ILLUM tinnota illi allura l-Ministru qed tindika li l-ajruport jiftaħ fis-sajf b'kontrolli.  'Jiġifieri l-Gvern qed jagħti l-ġenb b'mod assolut il-possibilità li niftħu l-ajruport wara li nsibu vaċċin?'

"Għalissa qed ngħid li aħna qed nipproponu li nibdew niċċaqalqu għas-Sajf.  Imma fuq kollox hemm il-kelma tal-awtoritjiet tas-saħħa. Irrid nfakkar ukoll li għandna ħafna sitwazzjonijiet mediċi illi għalihom ma sibniex kura.  Għandna l-HIV, imma ma waqafniex ikollna relazzjonijiet sesswali.  Ikollna eluf ta' nies imutu f'inċidenti madwar id-dinja, ma waqafniex insuqu.

Il-Ministru tfakkar lill-gazzetta li l-ftuħ gradwali tal-ajruport mhuwiex l-istess bħall-għeluq.

Hija qalet illi l-Gvern se jixgħel l-iswiċċ meta jkun hemm bżonn, meta jkun jista' u ma' dawk il-pajjiżi li nistgħu niftħu.

"Bħalissa qed jiġu diskussi diversi miżuri.  Fosthom jekk persuna tkunx f'saħħitha li ssiefer.  Qed niddiskutu l-użu tal-għodda bijometriċi, per eżempju, qed niddiksutu wkoll kif se nbiddlu t-tip ta' luggage handling fl-ajruport..."

"Ir-riskji qegħdin hemmhekk biex nimmaniġjawhom mhux nibżgħu neħduhom," qalet il-Ministu li wissiet illi "jekk se nħallu kollox magħluq bħala pajjiż u nistennew il-vaċċin, dan ikun il-bidu tat-tmiem tagħna."

'Kollox bil-galbu u b'attenzjoni'

Il-Ministru Farrugia Portelli tisħaq illi hi qed timbutta wkoll sabiex ristoranti u bars jinfteħu, kollox operat bil-protokolli neċessarji u kollox bid-distanza u maħsub - anke fuq kif isir jekk isir buffet, per eżempju.

Hawnhekk il-Ministru tiftaħ parenteżi illi dan kollu jiddependi minn numri u d-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-Ministeru u l-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-gazzetta tinnota wkoll li filwaqt illi fetħu xi ħwienet kollox huwa kajman immens u l-infieq huwa baxx ħafna.  "It-turiżmu huwa l-mutur li se jgħaqqad kollox.  In-nies iddejqu ġewwa u jridu joħorġu.  Imma kollox ird isir bil-galbu u b'attenzjoni," tgħid il-Ministru.

Mal-ILLUM kompliet tispjega kif anke fuq il-bajjiet jeħtieġ ikun hemm standards bażiċi.  "Naturalment mhux se jkun hemm attivitajiet tal-massa, bħal Isle of MTV u ħadd mill-industrija mhu qed jippretendi dan."

Hija qalet illi bħalissa qed isiru laqgħat u taħdidiet biex anke fit-turiżmu tibqa' tingħata l-għajnuna tal-Gvern lill-ħaddiema u din l-għajnuna tiġi phased out bil-mod il-mod.

Diskussjonijiet ma' tmien pajjiżi dwar 'safe corridors'

Il-problema hija li ħafna mid-destinazzjonijiet li huma kkunsdrati bħala swieq ewlenin għal Malta- prinċiplament ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u Spanja - kollha jinsabu magħluqin.  Allura fid-dawl ta' dan x'inhu l-pjan?

Farrugia Portelli spjegat kif Malta skattat pjan illi permezz tiegħu għaddejja b'diskussjonijiet ma' disa' pajjiżi fuq safe corridors.  Hi tfakkar illi llum, anke l-profil tat-turist inbidel xi ftit , jiġifieri dak li jixtieq u t-tul ta' żmien li jixtieq imur fuq vaganza.  "Hemm bżonn li nattiraw lejn pajjiżna setturi illi pajjiżi oħrajn tilef kompletament," tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

Finalment nistaqsuha x'inhi l-opinjoni tagħha dwar stqarrija tal-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta Alan Borg, jiġifieri li għandna sal-2023 biex nerġgħu naslu għall-livelli ta' turiżmu li konna qabel.

Filwaqt li ma tiċħadx tgħid illi dan kollu jiddependi fuq kif aħna, bħala pajjiż se nirreaġixxu.  "Jekk se nistennew biex niftħu s-sena d-dieħla, naħseb l-2023 qed tkun pożittiv ħafna."

Farrugia Portelli fakkret illi ċerti linji tal-ajru diġa' qed jirriklamaw lil Malta bħala destinazzjoni, fosthom Ryanair u Lufthansa.
"Għandna nkunu kburin bil-fatt li Malta qiegħda fil-pjani ta' diversi linji tal-ajru meta hemm pajjiżi li mhumiex. U dan kollu għax il-poplu għamel sagrifiċċju."

Fakkret illi fil-fatt qed tiġi mbuttata l-idea ta' popsponiment ta' vaganza minflok kanċellazzjoni.

'Interess kbir għal skema ta' taħriġ'

Filwaqt li tfaħħar l-Air Malta u l-ħidma kruċjali tal-linja nazzjonali, ttemm issemmi programm estensiv ta' taħriġ illi l-Gvern nieda u li għalih kien hemm interess kbir

"Qabel ma bdiet din il-kwistjoni tal-Covid-19 konna qed niddiksutu l-bżonn li ħaddiema ikollhom il-ħiliet neċessarji  jekk irridu nattiraw lejn Malta turisti minn ċerta swieq u ċerta livell."

Għalhekk il-Gvern alloka €5 miljuni minn avvenimenti li ma sarux mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex bihom isir taħriġ b'xejn lil kull min jaħdem fit-turiżmu u dawk ukoll li għandhom interess li jaħdmu fit-turiżmu.

"Kellna interess qawwi minn 36 entità uħud minnhom internazzjonali - fosthom il-Unesco u anke entitajiet li jaqgħu taħt in-National Georgraphic."

Permezz ta' dan it-taħriġ b'xejn eluf ta' ħaddiema se jkunu jistgħu itejbu l-ħiliet tagħhom f'dan il-qasam hekk kruċjali.

More in Politika