'14-il każ f'Malta huma ekwivalenti għal 1,700 każ fl-Italja'; It-tobba jisħqu li s-sitwazzjoni mhijiex stabbli

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija tirreaġixxi għall-miżuri mħabbra mill-Gvern ilbieraħ

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qed tisħaq li mhuwiex minnu li s-sitwazzjoni f’Malta hija stabbli u l-informazzjoni qed tindika li fl-aħħar jiem Malta esperjenzat żieda fil-każi.

Fi stqarrija, ftit wara li l-Gvern ħabbar li mill-Ġimgħa se jkunu llaxkati aktar restrizzjonijiet, il-MAM fakkret li 14-il każ f’Malta huma ekwivalenti għal 1,700 każ fl-Italja.

Fakkru li fl-aħħar jiem, Mater Dei ffaċja l-agħar kriżi mill-bidu tal-pandemija fejn tliet swali kellhom jingħalqu u 287 ħaddiem tas-saħħa jispiċċaw fi kwarantina.

L-istqarrija tisħaq kif filwaqt li tapprezza l-ħidma tal-Gvern biex ftit ftit l-ekonomija tibda tieħu ruħ, fl-istess waqt insistiet li għandha l-obbligu li tfakkar li dawn il-miżuri jġibu magħhom “riskji mediċi serji” u għalhekk appellat biex l-informazzjoni li tingħata tkun onesta u veritiera.

Fost il-punti li għamlet, il-MAM insistiet li ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni magħha dwar il-miżuri ta’ tranżizzjoni.

Ikkritikat il-fatt li l-ftuħ tar-ristoranti mhux se jkun suġġett għar-regolamenti iżda linji gwida li mhumiex obbligatorji mingħajr infurzar u multi għal min jiksirhom.

“L-infurzar huwa essenzjali biex tkun protetta l-ħajja umana. Qisek għandek logħba futbol mingħajr regoli jew referee,” saħqu t-tobba. “Apparti minn hekk għandha tingħata informazzjoni sħiħa partikolarment kif il-COVID-19 jista’ jinxtered minn fuq platti, pożati u mwejjed.

It-tobba insistew ukoll li l-messaġġ li qed jingħata, inkluż lill-anzjani, huwa biex joħorġu anke jekk qed jingħad li l-virus għadu magħna u għandna nsegwu r-regoli tas-social distancing.

Qisek qed tgħid: “mur u ħu gost imma jekk timrad tiġix tweħħel fiha,” tkompli l-istqarrija.

Temmet tisħaq ukoll li ma jagħmilx sens li se jkun qed jingħata l-permess biex persuni jkunu jistgħu jinġabru f’ġemgħat ta’ sitta meta fl-istess ħin qed tgħid lin-nies biex jibqgħu jirrispettaw is-social distancing.

More in Politika