Il-Gvern jitfaħ numru ta' negozji mill-ġdid ... Il-PM jgħid li l-Gvern qed jilħaq bilanċ ibbażat fuq ix-xjenza

Hairdressers, barbiera, beauticians, nail technicians, kafetteriji u lidos se jkunu jistgħu jiftħu -  jibdew xi operazzjonijiet ukoll u gruppi jistgħu jkunu sa' sitta

Meta kien qed jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet il-Prim Minisrtru ħabbar illi minn nhar il-Ġimgħa se jkomplu jiżdiedu servizzi tas-saħħa, jiftħu l-well baby clinics, se tiżdied il-kura tas-saħħa mentali, se jiżdiedu aktar operazzjonijiet - anke dawk mhux daqstant urġenti.  Se jiftaħ is-servizz tal-IVF, filwaqt li dawk li jkunu fi gruppi minn issa 'l quddiem jistgħu jkunu f'mhux aktar min sitta minn nies. 

Il-Gvern iddeċieda wkoll illi sports fuq barra jista' jerġa jibda filwaqt li taħriġ jista' jsir - basta fi gruppi ta' sitta biss. 

Se jiftħu wkoll ir-ristoranti - b'regoli speċifiċi kif ukoll se jiftħu il-hairdressers, beauticians, nail technicians u Lidos.

Fil-kummenti tal-ftuħ il-Prim Ministru qal li n-normalità hija xi ħaġa li ħafna jridu.  "Jiena ma nistax nagħmel il-ġimgħat magħluqin - jiġifieri l-emerġenza - in-normalità.  Li nħallu kollox magħluq, li taħdem mid-dar, li ma tistax tmur f'ristorant jew tagħmel xagħarek mhijiex in-normalità," qal il-PM li sostna li dawn il-miżuri mhumiex kompromess bejn ekonomija li se tikkrolla jew le.  "Hija x-xjenza li qed turina dan.  M'aħniex nagħmlu kompromsessi ma' saħħet il-poplu u nħarbtu dak kollu li akkwistajna ... huma l-fatti mediċi li qed juruna bil-fatti li nistgħu nkomplu nimxu fit-triq tan-normalità." 

Abela fakkar illi Malta għandha rata baxxa ħafna ta' każi attivi u l-Gvern ħaseb għal kull kontinġenza - għall-agħar sitwazzjoni possibbli.  "Dawn huma fatti u ma jagħmilx sens inħallu pajjiż sħiħ magħluq.  Aħna niddeċiedu fuq il-ħsieb razzjonali mhux fuq il-biża'. Meta kien hemm bżonn nieħdu deċiżjonijiet iebsin għamilnieha għax hekk kienet tiddetta s-saħħa pubblika."

Huwa qal li pajjiżna ma ġiex għarkopptejh "għax konna nafu x'inhu ġej" u ammetta li l-Gvern se jkun qed jaqla' l-kritka għalkemm qal illi dak li qed iħabbar qed isir bi protokolli biex dawn l-attivitajiet ikunu siguri u fakkar li kulħadd għandu l-għażla jmur jew ma jmurx f'ħanut.

"Żammejna t-tsumani milli jikber"

Il-Ministru ts-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal illi grazzi għas-sagrifiċċji kollha li saru l-Gvern irnexxielu jikkontrolla t-tsunami.  "Issa li żammejna dan it-tsunami milli tikber - bdejna bil-mod, il-mod niftħu bil-fehema illi kull jum li l-ekonomija tibqa' magħluqa din tpoġġi fil-periklu x-xogħolijiet.  Ma nistgħux nittardjaw imma ma nistgħux ngħaġġlu wisq."

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet illi kull miżura li saret kienet ibbażata fuq ix-xjenza, kemm meta saru r-restrizzjonijiet kif ukoll ir-rilaxxament.  "Ma nistgħux nerġgħu nkunu bħal qabel.  Għalhekk irridu nobdu miżuri bbażati fuq ddistanzjar soċjali, ħasil tal-idejn u aktar."

 

More in Politika