Filmat | 'Għajta Waħda’ – kunċerti ta’ għaqda nazzjonali minn għada fuq l-istazzjonijiet lokali

TVM, NET, ONE u 103 jingħaqda f'divertiment minn għada l-Ħadd di-9 pm filwaqt li jinġabru flus għall-Community Chest Fund

Ir-rappreżentanti tal-istazzjonijiet jiltaqgħu ma' George Vella
Ir-rappreżentanti tal-istazzjonijiet jiltaqgħu ma' George Vella

Minn għada se jibdew jixxandru sensiela ta’ erba’ kunċerti bl-isem ta’ ‘Għajta Waħda’ li se jipprovdu siegħa ta’ divertiment il-Ħadd fid-9pm fuq TVM, ONE, NET u 103. 

Rappreżentanti minn dawn l-erba’ stazzjonijiet iltaqgħu mal-President George Vella f’laqgħa li matulha tkellmu dwar l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19, sitwazzjoni li biddlet l-iskeda ta’ programmi u l-mod kif qed isiru x-xandiriet tal-programmi tagħhom.

Il-President George Vella rringrazzja lid-diriġenti tal-istazzjonijiet tal-koperazzjoni li qed juru biex jittellgħu dawn l-erba’ kunċerti fl-istess ħin fuq l-4 stazzjonijiet. Qal li ‘Għajta Waħda’ se joffru divertiment lit-telespettaturi minn bosta kantanti u mużiċisti u fl-istess waqt se jinġabru flus għall-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF). 

Il-President Vella qal li t-talbiet ta’ dawk fil-bżonn baqgħu jiżdiedu u jistma li kull xahar jinħarġu iktar minn miljun ewro f’għajnuna lil indivdiwi bi problemi soċjali u ta’ saħħa. Huwa appella għall-ġenerożità tal-pubbliku biex il-MCCFF tkompli tgħin lil min hu fil-bżonn.

Matul il-laqgħa, Tonio Portughese u Charles Dalli minn TVM, Roberto Francalanza minn ONE, Karl Gouder minn NET u Arthur Caruana minn 103 qalu li l-istazzjonijiet li jirrappreżentaw iħossuhom fid-dover li jagħtu spazju kawżi bħal tal-MCCFF bħalma jagħmlu matul is-sena fl-Istrina u tennew l-appoġġ tagħhom fi trażmissjonijiet futuri li se jittellgħu b’risq din il-fondazzjoni.

Il-kunċerti ‘Għajta Waħda’ qed jittellgħu minn Festivals Malta, bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità tat-Turiżmu u bi produzzjoni ta’ Quinton Scerri, Tiziana Calleja u Jonathan Pace.

Kull min jixtieq jagħti għotja lill-Malta Community Chest Fund Foundation fuq 50619201 - €11.65; 50618918 - €6.99; 50617596 - €2.33; BOV Mobile App 79359565; www.mccf.store.

 

More in Politika