Titħabbar skema ta' għajnuna b'massimu ta' €75,000 fuq medda tliet snin fuq kirjiet industrijali

Biex tibbenifika persuna jeħtieġ tkun ħaddmet 100 persuna jew inqas fis-sentejn ta' qabel applikat bi dħul li ma jaqbiżx l-€10 miljuni 

Il-Ministru Silvio Schembri waqt il-Konferenza
Il-Ministru Silvio Schembri waqt il-Konferenza

Il-Ministru Silvio Schembri nieda l-Iskema tas-Sussidju Industrijali tal-Kera 2020 b’allokazzjoni ta’ €2.5 miljun..

L-għan tal-iskema, li se tkun miftuħa bejn l-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Diċembru 2022, hu li jgħin finanzjarjament negozji ġodda u persuni li jaħdmu għal rashom li jixtiequ jikru spazju industrijali minn partijiet terzi biex iwettqu l-attività kummerċjali ġdida tagħhom, jimplimenta pjanijiet ta’ tkabbir, jimmaniġġja żieda fl-ordnijiet u jimplimenta innovazzjonijiet biex tiżdied l-effiċjenza. Il-baġit allokat għal din l-iskema hu immirat lejn kumpaniji, il-koperattivi u s-self-employed li jistgħu jibbenefikaw sa €75,000 f’sussidju tal-kera fuq 3 snin permezz ta’ għajnuna li tlaħħaq 50% tal-ispejjeż.

Il-Ministru qal li l-gvern qed jiżgura li ma tiġix imwarrba l-attività kummerċjali fost il-pandemija COVID-19. “Issa qed niffaċċjaw normalità ġdida li rridu nadattaw għaliha. L-iskema se tkun qed tassisti lil kumpaniji u lis-self-employed sabiex jibdew, jiżviluppaw u jespandu iżjed l-operat tagħhom billi jikru proprjetà mis-settur privat. Dan is-sussidju tal-kera se jservi ta’ opportunità biex inaqqas il-piż minn fuq l-komunità tan-negozju fir-rigward tal-kiri tal-bini u jippermettilhom jiġġeneraw attività ekonomika bi tpattija għall-investiment u għal ħolqien ta’ impjiegi ġodda”, qal il-ministru.

L-applikanti eliġibbli għal din l-iskema għandhom ikunu involuti fl-attivitajiet operazzjonali li ġejjin; manifattura, tiswija ta’ makkinarju u tagħmir, manutenzjoni u tiswijiet ta’ vetturi bil-mutur u attivitajiet industrijali oħra.

Permezz tal-applikazzjoni, l-applikant għandu juri li matul is-sentejn fiskali ta’ qabel is-sena li fiha tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni, kien qed jimpjega 100 jew inqas fuq kuntratt full-time u barra minn hekk, li d-dħul annwali tagħha ma qabiżx l-€10,000,000 fis-sentejn fiskali ta’ qabel is-sena li fiha ġiet sottomessa l-applikazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li l-Malta Enterprise se tkun qed tiddetermina l-valur tal-għajnuna, jekk ikun hemm, li se tingħata lir-rikorrenti. 

“Il-Korporazzjoni tista’ żżomm l-għajnuna kollha, jew parti minnha, jekk l-impriża (fil-livell ta’ grupp) tkun soġġetta għal kull inċentiv ieħor mogħti mill-Korporazzjoni. Id-deċiżjoni finali għandha tiġi komunikata lill-applikant, u l-applikanti għandhom jirċievu ittra ta’ approvazzjoni li tispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet tal-għoti. Fi żmien meta qed isir diffiċli biex il-gvern jidentifika l-bini għall-kera għan-negozji l-ġodda, l-iskema se tkun qed tħeġġeġ lin-negozji jfittxu l-bini tal-kera minn partijiet terzi li ma jkunux relatati man-negozju u jwettqu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom filwaqt li l-gvern ikun qed jgħin permezz tas-sussidju tal-kera”, qal Farrugia.

Il-formola tal-applikazzjoni tista’ titniżżel mill-portal tal-klijenti tal-Korporazzjoni: https://clientportal.maltaenterprise.com/login     

 

More in Politika