Il-Ġnus Magħquda jwissu dwar kriżi globali ta' saħħa mentali li qed tinfirex

U l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tgħid illi jista' jkun li l-Covid-19 se tibqa' magħna għal dejjem

Il-Ġnus Magħquda twissi illi qed jiżdied l-mard mentali, l-aktar f'pajjiżi fejn l-investiment f'dan il-qasam huwa nieqes. 

Fi stqarrija wissiet fil-fatt illi l-pandemija tal-coronavirus qed tirriskja illi twassal għal kriżi globali ta' saħħa mentali.  Il-Ġnus Magħquda wissew illi filwaqt li l-ħarsien tas-saħħa fiżika qed tkun it-tħassib ewlieni bħalissa, fil-fatt il-pandemija qed titfa' wkoll stress psikoloġiku qawwi fuq firxa kbira tal-popolazzjoni globali. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħquda Antonio Guterres wissa illi wara deċenji ta' telqa u nuqqas ta' investiment f'servizzi ta' saħħa mentali, "il-Covid-19 issa qed tolqot familji u komunitajiet sħaħ b'aktar stress psikoloġiku."

"Anke meta l-pandemija se tkun ikkontrollata  - l-uġigħ, ansjetà u dipressjoni se jkomplu jaffettwaw lin-nies u lill-komunitajiet," qal Guterres.

Intant l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa llum qalet illi wara kollox hemm ċans illi l-Coronavirus - Covid-19 - ma jispiċċax.  Waqt konferenza Mike Ryan, id-Direttur tal-Emerġenzi fl-WHO wissa kontra previżjonijiet ta' meta dan il-virus se jisparixxi u qal illi anke jekk insibu vaċċin, il-kontroll tal-virus se jkun jirrikjedi sforzi qawwija. 

Sal-lum jidher illi mietu mat-300,000 persuna minn 4.3 miljun każ attiv sa issa. 

More in Politika