Aġġornata | Erba' persuni inkluż il-perit u l-kuntrattur akkużati bil-qtil involontarju ta' Miriam Pace

Il-Prosekuzzjoni talbet biex tiġi revokata l-liċenzja tal-Perit

Erba' persuni tressqu taħt arrest quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras u ġew akkużati bl-omiċidju involontarju ta' Miriam Pace.

L-erba' persuni, il-perit, il-kuntrattur, is-site technical officer u anke ħaddiem wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-gazzetta ILLUM baqgħet issegwi dan il-każ u rriżulta li sitt persuni kienu taħt police bail. Madanakollu, dalgħodu, il-Pulizija arrestat mill-ġdid dawn l-erba' persuni.

Miriam Pace tilfet ħajjitha wara li fit-2 ta' Marzu d-dar tagħha ġġarfet għal ġo sit ta' kostruzzjoni fil-Ħamrun.

L-akkuża ewlenija tista' twassal għal piena ta' erba' snin ħabs.

Tlieta minnhom, inkluż il-perit ġew akkużati wkoll li għamlu dikjarazzjoni falza quddiem l-awtoritajiet, filwaqt li l-Perit kien akkużat ukoll li ma kienx preżenti fuq il-post tal-kostruzzjoni meta kien għaddej xogħol perikoluż.

Intant, il-prosekuzzjoni talbet biex tiġi rrevokata l-liċenzja tal-perit waqt li innotat l-ironija tas-sitwazzjoni hekk kif bħalissa l-appell huwa: 'Stay Home, Stay Safe," u persuna li kienet fid-dar tagħha, spiċċat biex tilfet ħajjitha.

Carmel Pace, ir-raġel ta' Miriam Pace, ħiereġ mill-Qorti akkumpanjat mill-Avukati tiegħu
Carmel Pace, ir-raġel ta' Miriam Pace, ħiereġ mill-Qorti akkumpanjat mill-Avukati tiegħu

Min-naħa tagħha, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-erba' akkużati,

L-Ispettur ikkonferma li l-irġiel ikkoperaw mal-Pulizija u obdew il-kundizzjonijiet tal-police bail, iżda appella lill-Qorti biex fi kwalunkwe deċiżjoni żżomm quddiem għajnejha li dan huwa każ serju.

'Minkejja li l-prosekuzzjoni mhux toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest, wieħed irid iżomm f'moħħu li hawn persuna tilfet ħajjitha," insista l-Ispettur.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. 

L-inkjesta maġisterjali dwar dan l-inċident tmexxiet mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Intant, l-Oppożizzjoni qed titlob li ssir inkjesta pubblika dwar dan il-każ biex ikun stabbilit x'setgħu għamlu l-awtorijiet biex dan l-inċident ma sarx. Il-familja qed tingħaqad ukoll f'dan l-appell u talbet li tkun ikkonsultata dwar il-kompożizzjoni tal-bord.

More in Politika