Il-familja ta' Miriam Pace tilqa' s-sejħa biex issir inkjesta pubblika dwar l-inċident

Il-familja qed tistenna li jsiru taħdidiet u konsultazzjonijiet neċessarji mar-rappreżentanti legali tagħha dwar il-kompożizzjoni tal-istess bord

Il-familja ta’ Miriam Pace laqgħet it-talba li qed tagħmel l-Oppożizzjoni biex issir inkjesta pubblika rigward l-inċident wassal biex Miriam Pace titlef ħajjitha wara li ntradmet taħt id-dar tagħha li ġġarrfet għal ġo sit ta’ kostruzzjoni fit-2 ta’ Marzu li għadda.

Fi stqarrija, l-Avukat David Bonello saħaq li l-familja qed tistenna li jsiru taħdidiet u konsultazzjonijiet neċessarji mar-rappreżentanti legali tagħha dwar il-kompożizzjoni tal-istess bord.

"Mhux ser nippermettu li l-kriżi li qed ngħixu fiha bħalissa tnessi dak li ġara qisu qatt ma’ kien xejn. Għandna dmir li naraw li ssir ġustizzja ma’ Miriam Pace u l-familja tagħha. Ir-responsabbiltà kriminali jarawha l-Qrati, iżda n-nuqqasijiet tal-awtoritajiet iridu jiġu mistħarrġa minn inkjesta pubblika separata," insista Claudio Grech, wieħed mid-Deputati li ressaq din il-mozzjoni f’isem l-Oppożizzjoni.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM ikkonfermat li sitt persuni, inkluż il-Perit tal-proġett ta' kostruzzjoni biswit id-dar ta' Pace u li hu stess kellu sehem fih, jinsabu taħt police bail.

More in Politika