Mozzjoni mill-Oppożizzjoni biex tinħatar inkjesta pubblika dwar l-inċident li ħalla lil Miriam Pace bla ħajja

Fuq Facebook, Claudio Grech saħaq li l-Qorti tieħu ħsieb ir-responsabbiltà kriminali iżda l-awtoritajiet iridu jiġu mistħarrġa minn inkjesta pubblika separata

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet mozzjoni fil-Parlament biex tinħatar inkjesta pubblika dwar l-inċident li ħalla lil Miriam Pace bla ħajja taħt it-terrapien tad-dar tagħha, li kienet tinsab biswit sit ta' kostruzzjoni fil-Ħamrun.

Xahar u erbat ijiem wara l-mewt ta' Pace, id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech kiteb fuq Facebook jisħaq li ħadd għadu ma sema' xejn ħlief li twaqqaf kumitat tekniku biex iħares ir-regolamenti u jevalwa dak li għandu jsir.

Madanakollu, saħaq Grech, dan mhux se jidħol f’dak li kellu jsir mill-awtoritajiet f’dan il-każ .

"Mhux ser nippermettu li l-kriżi li qed ngħixu fiha bħalissa tnessi dak li ġara qisu qatt ma’ kien xejn. Għandna dmir li naraw li ssir ġustizzja ma’ Miriam Pace u l-familja tagħha. Ir-responsabbiltà kriminali jarawha l-Qrati, iżda n-nuqqasijiet tal-awtoritajiet iridu jiġu mistħarrġa minn inkjesta pubblika separata," insista Grech.

Kien għalhekk li llum, Grech, flimkien mal-Kap tal-Partit tal-Oppożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Whip Robert Cutajar, f’isem l-Oppożizzjoni, ressaqu mozzjoni fil-Parlament

"Nittamaw li din il-mozzjoni ssib l-appoġġ tal-Gvern," saħaq Grech.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM ikkonfermat li sitt persuni, inkluż il-Perit tal-proġett ta' kostruzzjoni biswit id-dar ta' Pace u li hu stess kellu sehem fih, jinsabu taħt police bail.

 

More in Politika